Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jinawgura faċilitajiet ġodda fl-Ambaxxata Maltija f’Washington

pr240594
Date Icon 16/04/2024

Rinnovar estensiv għal servizzi aħjar lill-Maltin fl-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura xogħlijiet ta' rinnovar estensiv fl-Ambaxxata Maltija f'Washington, b'aktar aċċessibilità u sigurtà u b'faċilitajiet ġodda għal servizz aħjar lill-pubbliku, speċjalment il-komunitajiet ta' familji Maltin jew b'dixxendenza Maltija fl-Istati Uniti tal-Amerka.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Borg iltaqa' mal-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti Godfrey Xuereb u d-diplomatiċi u impjegati oħra tal-Missjoni Maltija f'Washington, kif ukoll għadd ta' mistiedna distinti, fosthom is-Segretarju għat-Trasportazzjoni tal-Istati Uniti, Pete Buttigieg.

“L-Istati Uniti għandha t-tielet l-akbar komunità Maltija fid-dinja. Ir-reżiljenza, ħidma iebsa u l-impenn lejn il-wirt kulturali tagħhom jixhdu r-rabta twila li jqarrbu flimkien iż-żewġ pajjiżi. Dan l-investiment fil-kwalità tas-servizzi tagħna f'Washington jikkonferma l-impenn tagħna li nsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li nikkonsolidaw il-kollaborazzjonijiet f'firxa wiesa ta' temi, mill-kummerċ għall-investiment, mis-sigurtà, u skambji t'esperjenzi fis-sigurtà u l-kultura," tenna l-Ministru Borg.

Filwaqt li rrefera għall-istorja twila tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti, li tmur lura aktar minn 50 sena, il-Ministru fakkar li dawn ir-rabtiet b'saħħithom qed isiru dejjem aktar importanti. “Sa mill-ewwel ġranet ta' Malta Repubblika, għall-irwol kruċjali li Malta kellha bħala medjatur internazzjonali u reġjonali, kif ukoll permezz taż-żieda fis-sehem tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-istorja tagħna dejjem kienet marbuta ma' valuri komuni u aspirazzjonijiet għal-libertà u d-demokrazija. Fi żminijiet t'inċertezza u kunflitti, huwa essenzjali li nkomplu naħdmu flimkien, magħqudin għall-paċi, l-istabbilità u l-prosperità għal kulħadd," temm jgħid il-Ministru Borg.

L-Ambaxxatur Xuereb qal li l-proġett tar-rinnovazzjoni tal-Ambaxxata u l-Konsolat f'Washington kien jinkludi tibdil strutturali għal tqassim aħjar tal-ispazji, biex kull parti ssir aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fis-servizz. Sala żgħira ġdida għall-konferenzi se tiffaċilità l-laqgħat bilaterali u impenji diplomatiċi u soċjali oħrajn. Il-proġett jinkludi wkoll sistemi ġodda ta' sigurtà u ICT, kif ukoll teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija u l-ilma, biex ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.

Il-Missjoni Maltija fl-Istati Uniti ġiet stabbilita fl-1967. Minbarra l-Ambaxxata u l-Konsulat f'Washington, Malta għandha wkoll konsli onorarji f'Alabama, Arizona, Los Angeles, San Francisco, Colorado, Florida, Michigan, Minnesota, Oregon, Philadelphia, Puerto Rico u Seattle.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jinawgura faċilitajiet ġodda fl-Ambaxxata Maltija f’Washington
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jinawgura faċilitajiet ġodda fl-Ambaxxata Maltija f’Washington
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow