Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

pr240574
Date Icon 12/04/2024

Proġett b'investiment ta' aktar minn €2.1 miljun b'ko-finanzjament minn fondi Ewropej

Ġie inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fi ħdan il-Konkatidral ta' San Ġwann b'investiment totali ta' aktar minn €2.1 miljun b'ko-finanzjament minn fondi Ewropej. 

L-għan ta' dan iċ-Ċentru hu li l-viżitaturi jiskopru iktar dwar l-artist magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio u jkunu jistgħu jesploraw iktar t-tekniki rivoluzzjonarji, il-ħajja li kien jgħix, u l-wirt artistiku dejjiemi tiegħu.

Iċ-Ċentru se joffri opportunità rari biex jintwerew ix-xogħlijiet ta' Caravaggio mill-qrib, fejn se jipprovdi lill-viżitaturi esperjenza interattiva u informattiva. Din iż-żona addizzjonali qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari mal-biljett tad-dħul.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka kif il-kapolavuri ta' dan l-artist rinomat u x-xogħlijiet innovattivi tiegħu jkomplu jispiraw lill-udjenzi numerużi madwar id-dinja. Huwa spjega wkoll li dan huwa ċentru edukattiv u interattiv mimli informazzjoni mill-isbaħ.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-fatt li din iż-żona addizzjonali se tkun qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari bl-istess biljett tad-dħul ifisser li se tkun qed tiġi msaħħa l-esperjenza sabiħa li wieħed jgħaddi minnha meta jżur dan il-ġojjell arkitettoniku. Huwa qal li dan il-proġett kien importanti li jsir mhux biss għal pajjiżna, imma għall-arti Ewropea kollha kemm hi għaliex ix-xogħlijiet ta' Caravaggio huma espressjoni mill-isbaħ tal-kreattività Ewropea.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-għan taċ-Ċentru Caravaggio jmur lil hinn mill-valur estetiku għaliex minbarra li juri l-kobor tal-artist, dan il-proġett hu mod kif l-arti twassal għat-triq tal-verità u t-tjubija. Hu rrifletta dwar il-personalità kumplessa ta' Caravaggio u enfasizza r-rilevanza dejjiema tal-arti tiegħu fid-dinja tal-lum.

“Fil-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann Battista naraw it-traġedja ta' meta l-arroganza u l-abbuż tal-poter iħallu vittmi innoċenti. Din il-pittura ta' Caravaggio hi monument tat-traġedja tal-umanità. Fiha naraw dak li qed jiġri bħalissa fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fis-Sudan, u f'tant postijiet oħra tad-dinja". L-Arċisqof Scicluna awgura li dan il-proġett iwassal sabiex iħalli fil-viżitaturi x-xewqa għall-bidla għat-tajjeb.

Il-President tal-Fondazzjoni Glenn Micallef qal, “Dan l-investiment hu l-iprem eżempju tal-ħidma li qed tagħmel din il-Fondazzjoni biex ittejjeb l-esperjenza ta' dawk li jżuru San Ġwann. Proġett li huwa wieħed mill-bosta li qegħdin inwettqu – li ser ikomplu jagħmlu minn dan il-Kon-Katidral, post li jagħmilna kburin mad-Dinja kollha.“

Iċ-Ċentru Caravaggio se jkun maqsum kif ġej:  L-ewwel sular: 'Face to Face' hija żona fejn il-viżitaturi jistgħu jitgħallmu kollox dwar 'The Beheading'. Il-proġezzjonijiet ta' daqs naturali jġibu lill-viżitatur wiċċ imb'wiċċ mad-dettalji kollha importanti tal-pittura, li ħafna drabi tiġi injorata minħabba l-konfini tal-Oratorju.

Il-pjan terran, imbagħad, jipprovdi spazju ieħor ta' attrazzjonijiet għall-pittura oħra tal-Caravaggio - 'St Jerome Writing' kif ukoll wirjiet interattivi li jipprovdu informazzjoni relatata mal-istorja tal-pittura u jiffokaw fuq l-aspett edukattiv.  Fuq l-istess livell  'Meet Caravaggio' hija żona awdjoviżiva li tagħti narrattiva dwar il-ħajja, il-karriera, u l-kisbiet artistiċi tal-artist ta' Caravaggio u l-produzzjoni artistika tiegħu matul iż-żjara tiegħu f'Malta.  F'din iż-żona, il-viżitatur se jkun jista' jgawdi l-proġezzjonijiet viżwali b'mod informattiv.

Is-sezzjoni xjentifika se tipprovdi l-opportunità li wieħed jifhem il-proċess kreattiv tal-artist, iżda wkoll il-viċissitudini li għaddiet mill-pittura matul is-sekli grazzi għall-għajnuna ta' tekniki dijanjostiċi mhux invażivi, bħall-Infrared Reflectography, id-dwal UV u l-Infrared Reflectography.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li tlesta x-xogħol  fuq il-kamra tal-arloġġ, li jmur lura għall-1584, tal-Konkatidral ta' San Ġwann u dan wara ħidma li saret mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Il-pubbliku jista' jsegwi mill-qrib kif jaħdem dan l-arloġġ li jiddomina l-faċċata tal-Konkatidral kif ukoll il-Kampnar tan-Nofsinhar.

Għal aktar informazzjoni, tista' żżur - www.stjohnscocathedral.com

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow