Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inwettqu Flimkien: Żewġ skemi mnedija mill-ġdid biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji jkunu aktar sostenibbli

pr240569
Date Icon 12/04/2024

Il-gvern ser ikun qed joħroġ mill-ġdid żewġ skemi biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji (VOs) fit-tranżizzjoni tagħhom biex ikunu aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma. Iż-żewġ skemi huma l-iskema tal-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Ilma u l-iskema tal-PVs għall-VOs.

L-iskema tal-PVs għall-VOs se tipprovdi lill-organizzazzjonijiet volontarji b' sistema ta' PV u tassisti lill-organizzazzjoni bl-installazzjoni tagħhom. L-iskema l-oħra, li issa tinsab fir-4 sejħa tagħha, se tiffinanzja proġetti li se jissostitwixxu jew jinstallaw tagħmir fil-faċilitajiet tal-VO biex isiru aktar effiċjenti fl-enerġija u fl-ilma.

L-iskemi qed jitnedew mill-ġdid permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Organizzazzjonijiet Volontarji eliġibbli.

L-għan komuni ta' inizjattivi bħal dawn huwa li jgħinu lil dawn l-organizzazzjonijiet inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom, sussegwentement inaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom u jwasslu għal prattiċi aktar sostenibbli. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-ispejjez tal-operat se jwassal biex dawn l-entitajiet jkunu jistgħu jżidu s-servizzi tagħhom fil-komunità.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli faħħret l-isforzi tal-għaqdiet volontarji, li qed jagħtu sehemhom favur tranżizzjoni sostenibbli. “Ma rridu lil ħadd jaqa' lura fit-tranżizzjoni lejn pajjiż aktar sostenibbli, hekk kif ilkoll qed nagħtu sehemna favur l-azzjoni klimatika. Irridu niżguraw li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta. L-għaqdiet volontarji diġà jiffaċċjaw pressjoni finanzjarja biex ikunu jistgħu jmexxu l-operat tagħhom u skemi ta' appoġġ bħal dawn jgħinu biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ," qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif l-għaqdiet volontarji għandhom rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ambjentali ta' pajjiżna. "Pajjiżna għandu aktar minn 1,800 għaqda volontarja li lkoll kemm huma jistgħu jkunu sħab biex pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali u klimatiċi tiegħu billi jimxu l-mixja tas-sostenibbiltà. Permezz ta' dak li ħabbarna, dawn l-għaqdiet se jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ miżuri u proġetti li se jgħinhom jikkonservaw aħjar l-ilma u l-enerġija biex mhux biss iħarsu l-element ambjentali iżda jinvestu flushom bl-aħjar mod possibbli favur il-komunità," temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

L-Iskema għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Ilma diġa' għenet aktar minn 40 organizzazzjoni volontarja jwettqu l-proġetti ta' effiċjenza tagħhom matul dawn l-aħħar sentejn, b' aktar minn €1 miljun f' fondi allokati għal din l-iskema biss. Il-benefiċjarji kienu jvarjaw minn assoċjazzjonijiet sportivi, każini tal-banda, u organizzazzjonijiet li jassistu lill-vulnerabbli, bil-proġetti jvarjaw mit-tindif u l-manutenzjoni tal-ġibjuni tal-ilma, il-bdil ta' sistemi tad-dawl għal dawl LED effiċjenti, inkluż floodlighting f' faċilitajiet sportivi, tibdil ta' tagħmir antik tal-kċina u units tal-arja kundizzjonata ineffiċjenti, solar water heaters u pompi tas-sħana tal-ilma.

Fl-ewwel sejħa għall-Iskema PV għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, ġew installati aktar minn 588 pannelli fi 30 installazzjoni differenti, li jkopru 28 Organizzazzjoni Volontarja.

L-applikanti li jintgħażlu se jingħataw 12 jew 24 PV panel biex jiġu installati fil-faċilitajiet tagħhom filwaqt li se tingħata għotja ta' €5,000 jew €7,500 skont in-numru ta' pannelli. Din is-somma se tkopri l-ispejjeż tal-istruttura, l-invertor, ix-xogħlijiet ta' installazzjoni u l-pariri professjonali.

L-Iskema tal-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Ilma se tiftaħ għall-applikazzjonijiet fit-22 ta' April, filwaqt li l-iskema PV għall-Organizzazzjonijiet Volontarji se tiftaħ il-ġimgħa ta' wara, fid-29 ta' April mis-sit elettroniku tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma. Se ssir sessjoni ta' informazzjoni għaż-żewġ skemi mal-VOs interessati kollha fit-18 ta' April.

Għal aktar informazzjoni żuru www.energywateragency.gov.mt jew www.maltacvs.org

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inwettqu Flimkien: Żewġ skemi mnedija mill-ġdid biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji jkunu aktar sostenibbli
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inwettqu Flimkien: Żewġ skemi mnedija mill-ġdid biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji jkunu aktar sostenibbli
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow