STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Inwettqu Flimkien: Beda jopera t-tieni ċentru reġjonali għall-vittmi tal-kriminalità f’Għawdex
L-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità assistiet aktar minn 144 persuna f'Għawdex, bl-aktar vittmi li fittxew l-għajnuna jkunu vittmi ta' vjolenza domestika.
Bil-għan li tkompli tifrex is-servizzi tagħha lill-Għawdxin, ġie inawgurat it-tieni ċentru reġjonali ġdid fil-Kunsill Lokali tal-Għarb, Għawdex, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.
Dan iċ-ċentru reġjonali se jintuża għal servizzi legali lill-vittmi. Is-servizz minn dan iċ-ċentru se jibda jingħata b'appuntament u l-vittmi se jkunu jistgħu jitkellmu ma' professjonisti legali biex jingħataw għajnuna legali bla ħlas u informazzjoni dwar proċeduri kriminali fil-qorti.
Sentejn ilu, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità fetħet ċentru reġjonali fix-Xewkija li minnu jingħata sapport emozzjonali u terapija lill-vittmi tal-kriminalità li jesperjenzaw diffikultajiet minħabba t-trawma li jgħaddu minnha.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li ċ-ċentru fl-Għarb huwa ħolqa minn katina ta' ċentri oħra li diġà qed joperaw f'Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija. Huwa rrefera wkoll għall-għodda personalizzata li se tingħata lil dawk li jisfgħu vittma ta' vjolenza domestika.
“Permezz tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità qed nilħqu l-għan tagħna li nassistu kemm jista' jkun vittmi ta' kriminalità. Dan qed nagħmluh mhux biss mill-uffiċċju ewlieni fil-Belt Valletta, iżda b'servizzi mifruxin madwar Malta u Għawdex kollha, “ temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li wara li nfetaħ uffiċċju fix-Xewkija li jagħti sapport lill-vittmi ta' kull reat li jħossu l-bżonn li jitkellmu u jieħdu l-pariri, illum f'Għawdex qed jinfetaħ it-tieni uffiċċju fl-Għarb. “B'din l-inizjattiva nistgħu nilħqu aktar vittmi sabiex isibu s-sapport li jkun hemm bżonn b'mod partikolari f'dawk il-mumenti diffiċli," temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità Brian Farrugia qal li b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Għarb qed jingħata spazju ġdid u sigur lill-vittmi tal-kriminalità li jikkumplimenta ċ-ċentru l-ieħor fix-Xewkija. Qal li bħala aġenzija se jitkompla l-proċess biex jissaħħu s-servizzi f'Għawdex anki bl-għajnuna ta' entitajiet pubbliċi u għaqdiet volontarji Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en