STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Iċ-Chair-in-Office tal-OSCE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg fi żjara fis-Serbja
Il-Ministru Borg ltaqa' mal-President tas-Serbja Aleksandar Vučić u uffiċjali għolja oħra tal-Gvern
“Il-Presidenza Maltija tal-OSCE se tkompli tenfasizza d-djalogu f'kull reġjun, għaliex nemmnu li dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nindirizzaw l-isfidi attwali b'mod effettiv, sabiex inkomplu niżguraw u nsaħħu l-paċi u s-sigurtà." Dan qalu ċ-Chair-in-Office tal-OSCE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt żjara fis-Serbja.
Il-Ministru Borg faħħar il-kisbiet tal-Missjoni tal-OSCE għas-Serbja waqt laqgħa mal-President tas-Serbja Aleksandar Vučić, fi tmiem taż-żjara uffiċjali tiegħu tal-OSCE f'Belgrad, ilbieraħ l-Erbgħa filgħaxija. Il-Ministru Borg kellu wkoll taħditiet mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali Ana Brnabić, mal-Ministru Miloš Vučević, li għadu kif ġie magħżul biex iservi bħala Prim Ministru, u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ivica Dačić.
L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u s-Serbja qed jaħdmu flimkien fuq diversi impenji importanti f'oqsma kritiċi, bħall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-libertà tal-midja.
“Ninsabu kuntenti ħafna bil-progress li sar matul is-snin, u napprezzaw l-isforzi kontinwi tas-Serbja biex timplimenta bosta riformi importanti, bħar-riformi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSCE sabiex jissaħħaħ il-proċess elettorali tal-pajjiż ," qal iċ-Chair-in-Office Borg.
“L-OSCE tibqa' forum ewlieni għad-diskussjoni u azzjoni dwar kwistjonijiet importanti ta' tħassib komuni – pjattaforma importanti għal impenn sinifikanti fost is-57 Stat parteċipanti tagħha. Fiż-żmien tal-lum, il-ħtieġa għal fora bħal OSCE hija indispensabbli," temm jgħid il-Ministru Borg.
Matul iż-żjara tiegħu fuq ġurnata, il-Ministru Borg u d-delegazzjoni taċ-Chair-in-Office tal-OSCE ltaqgħu ma' organizzazzjonijiet appoġġjati mill-Missjoni tal-OSCE fis-Serbja, inklużi assoċjazzjonijiet tal-midja u tal-ġurnalisti, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u klinika tal-liġi ambjentali li qed tipprovdi lill-istudenti tal-liġi anzjani b' taħriġ speċjalizzat dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali.
Il-Ministru Borg żar ukoll drop-in shelter li jgħin lil tfal u żgħażagħ. Dan iċ-Ċentru jaħdem mal-Missjoni tal-OSCE fuq programm ta' edukazzjoni inklużiva għal tfal u żgħażagħ Roma, sabiex jgħinhom jibqgħu fl-edukazzjoni.
L-Ambaxxatur Malti għar-Repubblika Federali tal-Awstrija u Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-OSCE Natasha Meli Daudey, il-Kap tal-Missjoni tal-OSCE għas-Serbja l-Ambaxxatur Jan Braathu u uffiċjali oħra tal-OSCE u tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin akkumpanjaw liċ-Chair-in-Office Borg ġewwa s-Serbja.
Malta bdiet it-12-il xahar tal-Presidenza tagħha tal-OSCE f'Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà", wara li ntgħażlet biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f'Novembru tal-2023.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en