STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Titnieda l-ħames edizzjoni tal-festival tax-xjenza u t-teknoloġija, 'Science in the Citadel'
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-ħames edizzjoni tal-festival 'Science in the Citadel' li se jittella' fiċ-Ċittadella nhar il-Ħadd 28 ta' April, bejn l-10am u s-6pm.
Dan il-festival mingħajr ħlas u mmirat għall-familja kollha, stabbilixxa ruħu bħala avveniment annwali fil-kalendarju ta' attivitajiet organizzati mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li bħal avvenimenti oħra qiegħed jattira għadd kbir ta' viżitaturi lejn iċ-Ċittadella sabiex jipparteċipaw f'dan il-festival tax-xjenza u t-teknoloġija.
“Science in the Citadel li għandu l-għan li jippromwovi l-edukazzjoni u l-involviment tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fost il-pubbliku, kulma jmur dejjem qed isir aktar popolari u jattira aktar viżitaturi. Attivitajiet bħal dawn iqarrbuna iktar lejn id-dinja teknoloġika u xjentifika li issa, aktar minn qatt qabel, huma ta' importanza fil-ħajja tagħna ta' kuljum," tenna l-Ministru Camilleri.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'esebizzjonijiet interattivi, attivitajiet hands-on, u dimostrazzjonijiet li juru l-aħħar riċerka xjentifika u innovazzjonijiet teknoloġiċi. L-avveniment li qiegħed jilqa' fih parteċipanti minn kull sfera tax-xjenza ser ikun qiegħed joffri wkoll workshops, treasure hunt b'laqta xjentifika u kulturali, laqgħat ma' riċerkaturi u esperti tal-industrija.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd biex għal sena oħra jattendi għal dan il-festival tant popolari tax-xjenza u t-teknoloġija.
'Science in the Citadel' huwa organizzat mid-Direttorat ta' EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fis-sit https://eventsingozo.com/event/science-in-the-citadel/
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en