Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inwettqu Flimkien: Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal elf ħaddiem tal-FSWS li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom

pr240538
Date Icon 08/04/2024

Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal madwar elf ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), li jsaħħaħ il-professjonisti u l-ħaddiema ta' din il-Fondazzjoni mhux biss b'kundizzjonijiet aħjar u żidiet ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-lum iżda anki jsaħħaħ il-progress fil-karriera ta' dawn il-ħaddiema b'titjib fit-taħriġ u l-iżvilupp personali tal-ħaddiema kollha tal-FSWS. Qabel il-ftehim iffirmat tkellem il-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li biex inwettqu flimkien anki fis-settur soċjali, irridu naraw li kulħadd ikun stmat kif jixraq u jkollu ċ-ċans jimxi 'l quddiem.

Fil-preżenza ta' bosta ħaddiema tal-FSWS, il-Prim Ministru nnota kif dan il-ftehim jirrikonoxxi l-ġid li jagħmlu dawn il-ħaddiema b'imħabba li għandhom u juru lejn xogħolhom u mal-klijenti tagħhom. Dr Abela saħaq li dan mhuwiex xi ftehim kollettiv iżolat u fakkar kif fl-aħħar snin ġew issiġillati ftehimiet kollettivi u settorjali importanti. “Lill-familji nsaħħuhom billi nagħtu l-aqwa ħarsien, riżorsi u l-għodda li huma intom il-ħaddiema stess," qal il-Prim Ministru Robert Abela. Fisser il-ħaddiema tal-FSWS bħala katalisti biex ikunu hemm għall-persuna biex tqum fuq saqajha u timxi 'l quddiem u qal li dan hu ftehim li jinvesti fil-ħaddiema li huma ta' servizz għan-nies u jwettqu bidla pożittiva f'ħajjet in-nies. “Bħala anki Avukat li pprattikajt fil-Qorti tal-Familja nirrikonoxxi kemm intom bħala ħaddiema kapaċi toffru tama lil min qata' qalbu," qal Dr Abela. Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lit-tmexxija tal-FSWS u lill-UĦM Voice of the Workers, bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li fid-diskussjonijiet għal ftehim ta' ħames snin, fittxew għan komuni favur l-interess tal-ħaddiema u s-soċjetà li tmiss mas-servizz mogħti mill-istess ħaddiema.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-progress tal-karriera f'din il-professjoni tant importanti għal pajjiżna. “Aktar minn hekk imma, dan il-ftehim kollettiv huwa parti essenzjali u vitali fil-katina ta' tmexxija, fejn ħafna minn dawn il-professjonisti huma jew gradwati jew għandhom ħafna snin ta' esperjenza jew it-tnejn u għaldaqstant, dan għandu jkun rikonoxxut bil-fatti u b'titjib fis-salarji u fil-kundizzjonijiet," stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti saħaq li f'dawn it-tip ta' negozjati mhix kwistjoni ta' min jirbaħ u min jitlef, imma hija sitwazzjoni fejn irid jirbaħ kulħadd. “Fil-każ tagħna jrid ikun ftehim li ma jinsiex l-klijenti tagħna, lil aktar minn 23,000 persuna vulnerabbli li għandna l-unur u l-privileġġ li ngħinu u nakkumpanjawhom kuljum", qal Grixti. Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella, li faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali  li tant jagħmlu ġid fis-skiet, b'piż emozzjonali u ħidma bla ħinijiet. “Huwa t'unur għalina bħala UHM li niffirmaw ftehimiet bħal dawn li se jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet ta' madwar elf ħaddiem. Kemm tagħmel frott u xi kwalità ta' frott tiddependi mill-ħidma tal-ħaddiema infushom, u għalhekk nappella għal ħidma akbar f'dan is-settur tant importanti," stqarr Vella.

Jippresedu l-iffirmar tal-ftehim kollettiv flimkien mal-Prim Ministru Abela u l-Ministru Falzon kien hemm is-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Mark Musù.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inwettqu Flimkien: Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal elf ħaddiem tal-FSWS li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inwettqu Flimkien: Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal elf ħaddiem tal-FSWS li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inwettqu Flimkien: Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal elf ħaddiem tal-FSWS li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow