Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport

PR240521
Date Icon 02/04/2024

Disa' persuni b'diżabilità ġew ippreżentati b'ċertifikat wara li matul l-aħħar sitt xhur attendew sessjonijiet offruti minn Aġenzija Sapport permezz tal-programm “Way to Work". Iċ-ċertifikati tqassmu mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

Dan il-kors huwa intenzjonat sabiex jħejji lill-persuni b'diżabilità għall-impjieg billi jiffukkaw fuq ħiliet ta' għajxien indipendenti u ħiliet oħra bżonnjużi fuq il-post tax-xogħol. Dan kien it-tielet grupp ta' persuni b'diżabilità li temmew b'suċċess dan il-kors ta' taħriġ u t-total ta' parteċipanti li bbenefikaw minn dan il-programm sa mill-bidu tiegħu f'Novembru 2022 tela' għal 34.

Minn dawn id-disa' parteċipanti, li l-età tagħhom tvarja bejn is-16-il sena u t-42 sena, persuna diġà sabet impjieg. Uħud mill-parteċipanti ser ikomplu jirċievu taħriġ edukattiv billi jsegwu korsijiet oħra sabiex ikomplu jiffukaw fuq ċerti aspetti skont il-ħtieġa tagħhom, kemm minn entitajiet oħra kif ukoll mit-tim ta' “Way to Work" fuq livell individwali.

Apparti t-taħriġ fi gruppi, il-programm “Way to Work" joffri sessjonijiet fuq bażi individwali sabiex wieħed ikun jista' jiffoka fuq aspetti partikolari u jsaħħaħ ħiliet partikolari. Mill-bidu tas-servizz, kien hemm total ta' 53 persuna b'diżabilità f'Malta u 5 f'Għawdex li bbenefikaw minn dawn is-sessjonijiet fuq livell individwali.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza tax-xogħol fil-ħajja ta' persuni b'diżabilità. “Ix-xogħol joffri dinjità. Bħala Gvern ninsabu impenjati biex inkomplu noffru taħriġ u noħolqu sistemi li jqarrbu lill-persuni b'diżabilità lejn id-dinja tax-xogħol. Din hija prijorità ewlenija tagħna favur il-kisba ta' aktar inklużjoni. Inħares 'il quddiem biex nara aktar persuni jiggradwaw minn dan il-programm, iżda fuq kollox li narahom f'impjieg stabbli, li jfisser għajxien aktar indipendenti," temmet tgħid il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna rrefera lejn il-ħidma bla waqfien tal-professjonisti fit-tim tal-Programm “Way to Work" sabiex isaħħu dan il-kors ta' taħriġ u jilħqu persuni b'diżabilità u jtuhom is-sostenn li għandhom bżonn biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Faħħar ukoll l-impenn tal-parteċipanti li stinkaw u baqgħu jattendu għal dawn is-sessjonijiet b'mod regolari u b'entużjażmu, li għandu jkun ta' ispirazzjoni għal persuni b'diżabilità oħra li għandhom il-ħajra li jkollhom impjieg. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri preżenti tas-sapport lil uliedhom u li emmnu fil-potenzjal tagħhom.

Sa mill-bidu tiegħu, il-programm laħaq ukoll 17-il ġenitur permezz ta' sessjonijiet intenzjonati għall-ġenituri tal-parteċipanti bl-għan li jikkumplimentaw dak li jkun qed jingħadda lill-persuni b'diżabilità waqt li joffri spazju fejn il-ġenituri jistgħu jiddiskutu u jaqsmu ħsibijiet li jkollhom dwar l-inklużjoni ta' wliedhom fid-dinja tax-xogħol.

Uħud mis-suġġetti li ġew diskussi waqt is-sessjonijiet jinkludu: kif tkun assertiv, l-etika fuq il-post tax-xogħol, kif tikteb CV, użu sikur tal-internet u tat-teknoloġija, l-immaniġġjar tal-flus, kif tfittex xogħol minn pjattaformi diġitali, kif iġġib ruħek waqt intervista għal xogħol, l-użu tat-trasport pubbliku, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’diżabilità jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow