STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Mosta
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea inawgura l-proġett ta' rinnovazzjoni taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Mosta. Dan il-proġett ta' tisbiħ u modernizzar kien immirat lejn it-titjib tal-faċilitajiet għall-anzjani residenti fil-lokal u l-membri li jattendu f'dan iċ-ċentru regolarment.
Dan ix-xogħol ta' tisbiħ kien jikkonsisti fi kmamar tal-banju ġodda, titjib fis-sistemi tad-dawl u l-ilma, għamara ġdida, tibjid, u t-tibdil tal-madum.
Dan il-proġett, li twettaq mill-ħaddiema fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, huwa pass importanti sabiex l-anzjani jkollhom aċċess għal ambjent ta' kwalità għolja. Dan iċ-Ċentru fil-Mosta, issa se jkompli joffri varjetà wiesgħa ta' attivitajiet immexxija minn għalliema, mill-impjegati, u mill-anzjani nfushom. Iċ-ċentru joffri wkoll spazju fejn l-anzjani jiltaqgħu u jgawdu l-kumpanija ta' xulxin, bil-għan li tonqos is-solitudni.
Is-segretarju parlamentari esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett li jirrifletti l-impenn kontinwu tal-gvern biex jipprovdi spazji aktar attraenti u aċċessibbli għall-anzjani. “Dan iċ-ċentru, li issa jilqa' fih aktar minn 40 persuna, sar post fejn l-anzjani mhux biss se jgawdu minn ambjent sabiħ, imma wkoll jieħdu pjaċir jattendu l-attivitajiet offruti. Inħarsu 'l quddiem sabiex b'aktar servizzi u ċentri madwar il-pajjiż, in-numru attwali ta' 2400 anzjan li jużaw iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva, jkompli jikber," tenna s-segretarju parlamentari.
Għal iktar informazzjoni dwar iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u s-servizzi li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jikkuntattja ċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, iżur l-uffiċini li jinsabu 3, Triq Żekka, il-Belt, jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en