Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tenfasizza għal aktar miżuri li jiffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala

pr240497
Date Icon 27/03/2024

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej fi Brussell, fejn ġew diskussi temi importanti relatati mas-settur tal-agrikoltura . 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Refalo wera apprezzament għall-ħidma li saret mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta proposta leġislattiva u l-isforzi li qed isiru għas-simplifikazzjoni tar-regolamenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex dawn jiġu adattati għal realtajiet ġodda. Huwa għamel aċċenn għas-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-pjan strateġiku tal-PAK, b'mod partikolari l-emendi fir-rigward ta' azjendi agrikoli żgħar.

Il-Ministru Refalo enfasizza li għandhom jiġu introdotti  prattiċi, fuq livell Ewropew, li jiżguraw serħan il-moħħ u trasparenza kemm lill-bdiewa u raħħala, kif ukoll lill-konsumatur li jixtri minn għandhom. Huwa tenna wkoll li għandu jiġi assigurat li leġislazzjoni futura ma żżidx piżijiet żejda fuq il-bdiewa.

Il-Ministru żied jgħid li wieħed irid iqis ir-riskji u l-isfidi kollha li jiffaċċjaw il-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u għandu jiġi żgurat li jkun hemm ambjent ekonomiku b'saħħtu għall-bdiewa.

Il-Ministru għamel referenza għall-fatt li l-bdiewa Ewropej huma meħtieġa jadottaw miżuri, kontrolli u kundizzjonijiet ta' protezzjoni ambjentali meta mqabbla ma' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Hawn huwa semma l-bżonn ta' aktar flessibbiltà fir-rigward tar-regolamenti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur agrikolu, biex jiġi żgurat li jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. F'dan ir-rigward, il-Ministru Refalo laqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa li għaddiet dwar dan il-punt.

Il-Ministru Refalo tenna li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll aktar flessibbiltà għat-trasferiment tal-fondi, li tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu tal-allokazzjoni tal-fondi sabiex jipprovdu rispons rapidu għal kwalunkwe kriżi emerġenti. Għaldaqstant huwa talab li tingħata flessibbiltà addizzjonali lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-bdiewa f'każ ta' avvenimenti estremi tat-temp  kif ukoll għall-instabbiltà tas-suq.

“Nirringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea talli għarfet il-ħtiġijiet tal-bdiewa Ewropej. Nemmnu iżda li dan huwa biss il-bidu u m'għandniex nieqfu hawn, iżda għandna nkomplu niffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala, sabiex anke aktar żgħażagħ jitħajru jidħlu fis-settur," temm jgħid il-Ministru Refalo.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tenfasizza għal aktar miżuri li jiffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow