STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA Imnedija skills pass għall-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità
Wara konsultazzjoni ma' diversi stakeholders fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità, ser tidħol fis-seħħ il-miżura fejn ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità f'Malta jrid jkun akkreditat permezz ta' Skills Pass, u ħaddiema barranin ikunu jistgħu jaħdmu f'pajjiżna biss f'dan is-settur, jekk ikollhom Skills Pass.
Biex tingħata dan l-iSkills Pass, ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi terzi jridu jagħmlu numru ta' korsijiet f'pajjiżhom stess li jinkludu għarfien dwar il-lingwa Ingliża, l-għoti ta' servizz bażiku lill-klijent, tagħlim dwar il-prodott turistiku Malti u kors ieħor relatat ma' Ingliż bażiku fl-industrija tal-ospitalità.
Il-ħruġ ta' din l-iSkills Pass ser issir mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi b'kollaborazzjoni mal-aġenzija Identità. Mingħajr l-iSkills Pass imsemmi, ċittadini minn pajjiżi terzi mhux ser ikunu jistgħu japplikaw għas-single work permit li toħroġ l-aġenzija Identità.
Ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu għadhom ma bdewx jaħdmu fi stabbiliment tat-turiżmu jew ospitalità ser jeħtieġu Skills Pass fi żmien xahrejn minn meta dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ.
Minn Jannar 2025 ir-regolamenti tal-iSkills Pass ser japplikaw għal dawk il-persuni li diġà qegħdin f'pajjiżna biex dawn tal-aħħar ikollhom jagħmlu dawn il-korsijiet qabel ma jiġi mġedded is-single work permit.
Minn Jannar ta' sentejn oħra, ir-regolamenti tal-iSkills Pass ser jibdew japplikaw għall-ċittadini li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fil-preżenza tat-tmexxija tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-aġenzija Identità, imsieħba soċjali u mistednin distinta marbutin mal-industrija tat-turiżmu.
Il-Ministru Byron Camilleri sejjaħ l-iSkills Pass bħala waħda mill-miżuri immirati kemm biex jaqtgħu l-abbuż tal-ħaddiema u anke biex f'pajjiżna jkun hemm għarbiel biex jiżgura li jiġu jaħdmu biss ħaddiema ta' kwalità li jagħtu kontribut fl-espansjoni ekonomika u fis-suq tax-xogħol ta' pajjiżna. Mingħajr l-iSkills Pass ċittadini minn pajjiżi terzi mhux se jingħataw permess tax-xogħol mill-aġenzija Identità. Minn Jannar li ġej dawk il-ħaddiema li diġà qed jaħdmu Malta bis-single work permit u jridu jġedduh jridu jiksbu l-iSkills Pass. “Mhux qed nieqfu mal-proċess tal-iSkills Card, iżda permezz tal-ħruġ tal-viża, jew mat-tiġdid tagħha minn Identità, se nkunu qed inħajru dawn il-ħaddiema jkomplu jitħarrġu u jiksbu snajja' aktar mirquma b'rabta max-xogħol li jagħmlu," qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li dak li qed isir fil-qasam tat-turiżmu ser iservi ta' mudell għal setturi oħra fil-qasam tax-xogħol f'pajjiżna. Il-Gvern jifhem li l-kumpaniji Maltin għandhom bżonn ħaddiema li xi drabi ma jkunux aċċessibbli fis-suq lokali u se jaħdem biex dawn ikunu aċċessibbli, bil-kundizzjoni li jkunu ta' kwalità.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif l-integrazzjoni tal-iSkills Pass fl-industrija tal-ospitalità hija opportunità. “Jekk irridu naraw aktar kwalità fil-prodott turistiku, irridu naraw li l-frontliners tagħna f'din l-industrija jkollhom l-abbiltajiet neċessarji li permezz tagħhom jagħmlu d-differenza fl-esperjenza kemm tat-turist iżda wkoll tal-Maltin u l-Għawdxin. Ninsab ottimist li ftit tax-xhur oħra nibdew naraw servizz aħjar. Nifhmu li għandna riforma ambizzjuża quddiemna. Nifhmu wkoll li ser insibu sfidi. Iżda l-għażla li nħallu kollox kif inhu, qatt ma kienet fuq l-aġenda tagħna. L-industrija tat-turiżmu għandha futur quddiemha. Għalhekk, fil-preżent irridu nieħdu ħsieb li nkunu preparati għal futur li jkun magħmul minn industrija tat-turiżmu li toffri kwalità ogħla fuq kull livell matul is-sena kollha," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en