STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Investiment f’binja ġdida għall-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa
Il-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa se jkollu maħżen għad-dgħajjes u uffiċini ġodda minn fejn jopera fil-lokal ta' Birżebbuġa stess. Ħabbru dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt iffirmar ta' ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-istess klabb.
Il-binja ta' żewġ sulari u sotterran se tinbena max-xatt ta' Birżebbuġa u ftit metri 'l bogħod minn slipway sabiex il-qaddiefa jkollhom aċċess faċli għall-baħar meta jniżżlu d-dgħajjes tagħhom. Is-sotterran u l-ewwel sular tal-binja se jintużaw bħala maħżen għad-dgħajjes filwaqt li t-tieni sular ser jintuża bħala uffiċini minn fejn l-amministrazzjoni se tibda topera. Il-binja ser tinbena f'post li bħalissa jinsab mitluq u se tkun attrezzata b'diversi faċilitajiet skont il-bżonnijiet ta' dan il-klabb.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f'kull livell. Huwa qal li, “Il-ħidma tagħna f'dan is-settur tmur id f'id mal-viżjoni tagħna li nsaħħu s-settur sportiv biex inkomplu ngħollu l-livell tal-isport f'pajjiżna, anki fil-livell ta' klabbs". Huwa tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħata fis-settur kemm b'diversi skemi li qed jingħataw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi u wkoll permezz ta' ftehim bħal dak tal-lum. “Dan il-ftehim juri l-impenn tagħna li nkomplu nwettqu l-wegħdiet sportivi elettorali, li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru," temm jgħid il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal li, “Meta ltqajna mal-amministrazzjoni ta' dan il-klabb u ressqu 'il quddiem l-isfidi li qed jaffaċċjaw, bħala Gvern intervjenejna mill-ewwel sabiex niżguraw li dan il-klabb sportiv jibqa' jopera u jrawwem fi ħdanu iktar tfal u żgħażagħ fl-isport tar-regatta. Filfatt, barra diversi sfidi loġistiċi, l-ikbar sfida għal dan il-klabb hija dik li jrawwem tfal ġodda f'dan l-isport peress li l-imħażen li jinkrew bħalissa jinsabu barra l-lokal. Permezz ta' dan il-proġett t-tfal u ż-żgħażagħ Birżebbuġin se jkollhom post attrezzat fejn jiltaqgħu biex jipprattikaw l-isport tal-qdif u fl-istess waqt inżommu t-tradizzjoni tar-regatta ħajja f'Birżebbuġa."
Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa Ian Farrugia qal li din is-sena l-klabb qed ifakkar l-għoxrin sena mit-twaqqif tiegħu u matul dawn is-snin qatt ma kellu l-binja tiegħu u dejjem opera minn maħżen mikri fil-Belt Valletta. Dan jikkawża diversi sfidi kemm għall-amministrazzjoni, għall-qaddiefa u speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li jitħajru jibdew dan l-isport. Is-Sur Farrugia irringrazzja lill-Gvern ta' dan il-proġett u ddeskrivih bħala ħolma li se tagħmel differenza kbira għal dawk kollha dilettanti tar-regatta f'Birżebbuġa u għal irħula oħra tal-madwar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en