STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Konferma oħra tar-riżultat tal-iskema “Stabbiltà”
L-aħħar statistika maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikkonferma kemm kien neċessarju u kemm diġà ħalla effett sostanzjali l-patt soċjali “Stabbiltà" li ġie ffirmat f'Jannar li għadda.
Skont l-aħħar statistika l-inflazzjoni matul Frar kienet ta' 2.3%, tnaqqis ta' 0.9% meta mqabbla ma' Jannar ta' din is-sena. Id-differenza fl-inflazzjoni bejn Jannar u Frar kienet akbar mid-differenza bejn il-ħames xhur ta' qabel magħquda flimkien.
Dwar il-prezz tal-ikel, l-inflazzjoni bejn Jannar u Frar naqset b'1.2% u dan b'indikazzjoni ċara li l-inizjattiva “Stabbiltà" kienet strumentali f'dan it-tnaqqis.

Minn Settembru tas-sena li għaddiet, filwaqt li l-inflazzjoni fl-Ewropa bdiet nieżla, f'pajjiżna ma niżlitx. Anzi kien hemm perjodi li kienet qed tkompli togħla. Għaldaqstant inbeda eżerċizzju sabiex jiġu identifikati dawk il-prodotti li l-prezz tagħhom kien qiegħed ivarja mhux skont dak Ewropew. Id-diskussjonijiet mas-settur privat waslu għall-inizjattiva “Stabbiltà", it-tielet patt soċjali fi ftit snin.
Illum wara li l-inizjattiva “Stabbiltà" bdiet xahar ilu qed naraw l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel reġgħet bdiet tonqos u tersaq lejn il-medja Ewropea.
Minn data miġbura mill-Eurostat, l-istatistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea turi li fost l-aktar prodotti tal-ikel li raw tnaqqis fl-inflazzjoni kien hemm evidenti diversi prodotti fl-inizjattiva “Stabbiltà" fosthom il-kafé, marġerina, tonn taż-żejt u ħaxix iffriżat fost l-oħrajn.
Rigward il-prezz tal-kafé, filwaqt li madwar l-Ewropa, ilu nieżel għal aktar minn sena, f'Malta wara s-sajf beda jogħla u laħaq rata ta' sitt darbiet aktar mill-medja Ewropea. Fi Frar ir-rata ta' inflazzjoni tal-kafé f'pajjiżna naqset minn 15.6% għal 6.5% u ġiet ferm eqreb il-medja Ewropea.

Fil-każ tal-ħaxix iffriżat, it-tendenza tal-prezzijiet f'Malta marret kontra dik madwar l-Ewropa tant li mentri f'pajjiżna l-prezz kompla jogħla, fil-pajjiżi madwarna kienu qed jimmoderaw. Wara d-dħul ta' “Stabbiltà", l-inflazzjoni ta' dawn il-prezzijiet naqset minn 14% għal 7%, u resqet ferm qrib ir-rata fl-Unjoni Ewropea.

“Stabbiltà" wasslet ukoll għal bidla sostanzjali fil-prezzijiet tal-ħut ipproċessat, speċjalment it-tonn taż-żejt. Għal darba oħra hawnhekk it-tendenza f'pajjiżna kienet differenti minn dik fil-bqija tal-pajjiżi madwarna. Wara l-introduzzjoni tal-iskema, l-inflazzjoni f'pajjiżna mid-doppju tal-medja Ewropea, daret għal sitwazzjoni fejn il-prezz huwa anqas minn dak li kien sena qabel. B'hekk is-sitwazzjoni ġiet saħansitra aħjar minn dik fl-Ewropa.

Fil-każ ta' prodotti taċ-ċereali, l-andament f'pajjiżna baqa' jsegwi dak fl-Ewropa, ħlief minn Novembru 'l quddiem, fejn il-prezzijiet kienu bdew jaċċelleraw bil-kontra tal-bqija tal-Ewropa. Wara “Stabbiltà", l-inflazzjoni naqset minn 13% għal anqas minn 8% f'xahar wieħed biss.

Prodott ieħor fil-lista ta' prodotti taħt l-inizjattiva “Stabbiltà" li jidher ċar l-impatt huwa fil-każ tal-prezz tal-marġerina. Mentri madwar l-Unjoni Ewropea l-inflazzjoni naqset b'mod qawwi tant li ġiet taħt dik f'Malta wara Lulju, f'pajjiżna r-rata tal-inflazzjoni mhux talli naqset imma talli żdiedet. Minn Frar l-inflazzjoni f'dan il-prodott hawn Malta naqset minn 9.2% għal -4.8%. Anke hawn issa t-tendenza ġiet bħal dik madwar l-Ewropa.

Barra minn hekk din l-inizjattiva ħalliet impatt anke fuq prodotti oħra tal-ikel li mhumiex fl-inizjattiva. Dwar dan irrappurtat anke l-Aġenzija tal-Kreditu Fitch fejn qalet li din l-inizjattiva waslet għal kompetizzjoni bejn prodotti tal-ikel oħra u għalhekk mistennija tkompli twassal għal aktar roħs fil-prezzijiet.
Bħala Gvern nibqgħu kommessi biex ngħinu lill-familji jtaffu mill-piż tal-inflazzjoni tal-aħħar snin. Minbarra ż-żidiet fil-COLA, fil-paga minima, fil-pensjonijiet, fiċ-childrens' allowance u ċekkijiet ta' stimulu, issussidjajna l-kontijiet tal-enerġija u qed nibqgħu nassistu lill-bdiewa u s-sajjieda tagħna kontra l-prezzijiet għoljin internazzjonali. Dan kollu biex kulħadd ikun parti mis-suċċess ekonomiku ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en