Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku

pr240452
Date Icon 21/03/2024

Il-President ta' Malta George Vella dalgħodu kellu udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Matul il-laqgħa, il-President Vella u l-Qdusija Tiegħu l-Papa rreferew għar-relazzjonijiet b'saħħithom bejn Malta u s-Santa Sede. Iffukaw ukoll fuq is-sitwazzjoni preżenti fid-dinja, l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-ħtieġa ta' paċi ġusta u d-djalogu. Il-President tkellem dwar is-sehem ta' Malta biex tmexxi 'l quddiem in-narrattiva tal-paċi bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn Jannar bħala President tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Il-vokazzjoni ta' Malta bħala pajjiż newtrali kostituzzjonalment, qal il-President, tibqa' dik li toħloq spazji ta' djalogu mhux biss fir-reġjun tal-Mediterran, imma anke f'partijiet oħra tad-dinja.

Il-President ta' Malta u l-Papa Franġisku tkellmu wkoll dwar sfidi bħalma huma l-migrazzjoni irregolari, l-użu ta' armamenti f'kunflitti u gwerer, kif ukoll it-tibdil fil-klima.

B'referenza għaż-żjara tal-Papa Franġisku f'Malta sentejn ilu, il-President Vella stqarr mal-Qdusija Tiegħu li l-poplu Malti u Għawdxi għandu tifkiriet mill-isbaħ u baqa' jgħożż din iż-żjara.

F'kummenti wara l-laqgħa, il-President qal li l-Papa Franġisku tkellem dwar il-memorji sbieħ mal-poplu Malti u Għawdxi matul iż-żjara tiegħu f'Malta.

Wara l-laqgħa, is-Sinjura Miriam Vella u d-delegazzjoni, li tinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, kellhom l-opportunità li wkoll jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.

Fi tmiem l-udjenza privata, il-President f'isem il-poplu ppreżenta lill-Papa Franġisku sitt kompjuters b'donazzjoni għall-Klinika Madre di Misericordia, li toffri kura tas-saħħa bla ħlas għal dawk li jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' faqar, emarġinazzjoni u diffikultà.

Iktar tard, akkumpanjat mill-Ministru Borg, il-President Vella kellu laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin.

Id-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-President Vella żaret ukoll il-Klinika Madre di Misericordia, li fetħet fl-2015 fuq l-inizjattiva tal-Papa Franġisku. Il-klinika, li toffri servizz ta' kura lil madwar 6,000 persuna fis-sena, hija fdata lid-Dekasteru għas-Servizz tal-Karità taħt it-tmexxija tal-Kardinal Konrad Krajewski.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella jiltaqgħu mal-Papa Franġisku
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow