STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda n-National Research and Innovation Strategic Plan 2023 – 2027
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda l-istrateġija marbuta mar-riċerka u l-innovazzjoni li se twassal sas-sena 2027. L-istrateġija fiha ħames oqsma ta' prijorità li se jiġu implimentati permezz ta' sinerġija bejn il-gvern, l-akkademja, il-privat u s-soċjetà ċivili.
Dawn il-ħames oqsma huma:
- Tisħiħ tal-politika u l-prijoritizzazzjoni relatata mar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
- Żvilupp tal-ekosistema lokali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
- Aktar sinerġija fir-rigward ta' riċerka u innovazzjoni.
- L-integrazzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-public policy.
- Tisħiħ tal-istrutturi biex jimplimentaw din l-istrateġija.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li permezz ta' din l-istrateġija, il-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur hija ċara. “Din l-istrateġija se twassal sabiex inkomplu nrawmu kurżità xjentifika, aktar kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija, kif ukoll l-integrazzjoni tal-komunità tar-riċerka lokali ma' dik internazzjonali."
“Fit-twettiq ta' din l-istrateġija se nkomplu nintegraw ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-public policy, se noffru aktar opportunitajiet biex tintuża r-riċerka biex jissaħħu l-policies eżistenti, se noffru aktar opportunitajiet għal inizjattivi interdixxiplinari u kif ukoll aktar opportunitajiet għall-kollaborazzjoni mal-intraprendituri," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega kif waqt l-abbozzar ta' din l-istrateġija ġew ikkunsidrati l-opportunitajiet uniċi għax-xenarju Malti fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll il-kontribut ipprovdut mill-partijiet interessati li fuqhom ġiet stabbilita l-istrateġija. Huwa semma wkoll kif l-istrateġija fiha mekkaniżmi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni b'saħħithom li jiżguraw li l-pjan strateġiku jiġi implimentat.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) Dr Tonio Portughese stqarr li din l-istrateġija tistabbilixxi pjan biex pajjiżna jkompli javvanza fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa żied jgħid li l-MCST se jkun qed jassigura l-implimentazzjoni tal-pjan permezz ta' kooperazzjoni u kollaborazzjoni mal-partijiet kollha interessati.
Id-Direttur tal-Politika u l-Istrateġija tal-MCST Ramona Saliba Scerri tat preżentazzjoni dwar il-proċess li wassal għal dan il-pjan strateġiku kif ukoll l-għanijiet tiegħu. Hija saħqet dwar l-importanza ta' struttura ta' governanza b'saħħitha għall-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931