STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Tnedija ta’ Child Wellbeing Index fil-Parlament
L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa t-tnedija tar-rapport intitolat “The Wellbeing of Children and Young People in Malta", parti integrali mill-proġett “The Malta Wellbeing Index", proġett bejn l-Università ta' Malta u The Malta Foundation for the Wellbeing of Society.
F'kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker tkellem dwar id-drittijiet tat-tfal. Hu qal li bħala bnedmin, it-tfal jistħoqqilhom jgħixu b'dinjità, f'ambjent fejn ikunu rispettati, igawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bħala bnedmin u għalhekk ikunu mħarsa minn kull forma ta' diskriminazzjoni u qerq.
B'referenza għar-rapport “The Wellbeing of Children and Young People in Malta", l-Ispeaker semma li għalkemm il-maġġoranzi tat-tfal jistqarru li huma kuntenti b'ħajjithom u fil-familja, hemm oħrajn li għaddejjin minn żmien diffiċli u bi problemi. Hawn hu rringrazzja dawk kollha li huma nvoluti f'tant servizzi ta' appoġġ lill-familji fi kriżi.
Għar-rigward ta' tfal li għadhom diffikultà biex jiksbu suċċess fl-istudji tagħhom, l-Ispeaker saħaq li l-iskejjel għadhom iħejju lit-tfal tagħna jikbru w ikunu mħejjija għall-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni. L-isfidi jistgħu jkunu opportunitajiet pożittivi għat-tfal tagħna, kemm bħala żgħażagħ u ċittadini adulti aktar l' quddiem, temm jgħid l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Matul din il-konferenza, tkellmu wkoll, l-awturi tar-rapport, il-Prof. Carmel Cefai, u l-Prof. Marie Briguglio studjużi mill-Università ta' Malta kif ukoll, l-MP u Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, l-MP U Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea MP, l-MP Robert Cutajar, u l-MP Albert Buttigieg.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931