STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI: Imniedi l-Venture Capital Fund
Fond ta’ €10 miljun li se jappoġġja startups innovattivi
Illum jimmarka pass importanti f’pajjiżna lejn it-trawwim tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija hekk kif il-gvern nieda uffiċjalment il-Malta Venture Capital Ltd, fond ta’ €10 miljun immirat li jipprovdi investiment ta’ ekwità f’kumpaniji startup iffukati fuq teknoloġiji innovattivi.
Waqt l-ewwel TechXpo li saret f’pajjiżna f’Settembru li għadda, kien ġie mħabbar il-kunċett tal-Venture Capital Fund, li rrikonoxxa l-bżonn ta’ fond bħal dan f’Malta. Minn dakinhar kien hemm 46 startup li urew interess, kif ukoll 16-il investitur li urew interess b’6 minnhom diġà applikaw sabiex jissieħbu mal-Gvern u jinvestu l-fondi privati tagħhom.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri inawgura l-uffiċini ġodda minn fejn se tibda topera l-Malta Venture Capital Ltd.
Il-ministru spjega kif dan il-fond se jkun qed jassisti lil startups sabiex joħolqu prodotti u soluzzjonijiet innovattivi. “Permezz ta’ dan il-fond qed nassiguraw li jkollna ekosistema b’saħħitha, b’miżuri ta’ sapport u ta’ finanzjament. Inħarsu ’l quddiem sabiex naraw start-ups jiżviluppaw l-ideat tagħhom permezz ta’ dan l-appoġġ li qed noffrulhom,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-setturi li dan il-fond se jkun qed jiffokka fuqhom huma, video gaming, esports, ICT, Fintech, Life Sciences, Pharma, Green Energy, Filming Industry, Agritech, AI, blockchain, Communications, Electronics, Financial Services, Medical Devices, Software, Technology, VR, Bluewater Industries u Teknoloġiji Diġitali.
Dawn is-setturi ntgħażlu b’mod strateġiku minħabba l-preżenza eżistenti tagħhom f’Malta u l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u s-sostenibbiltà. Huma joffru opportunitajiet ta' xogħol ta’ kwalità għolja u joperaw fi spazji kompatti, li jagħmluhom kontributuri vijabbli għall-ekonomija.
Iċ-Chairperson tal-Malta Venture Capital Jesmond Gatt spjega li, “Fi żmien sentejn, bosta kumpaniji se jkunu qed jinvestu u b’hekk ikunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom. Se jkunu qed jiġu ġġenerati wkoll fondi ġodda għall-kumpaniji li jiġu bżonn investiment fis-snin li ġejjin.”
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931