Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL

PR240433
Date Icon 18/03/2024

Fit-13 ta' Settembru 2023, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru, Mark Musù, ħatru Bord ta' Evalwazzjoni tal-proċessi li jirrigwardaw l-għoti tal-Assistenza għal Diżabilità Severa.

Il-Bord kien presedut mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, u bħala membri kellu s-sinjuri Anthony Scicluna u Raymond Muscat.

It-Termini ta' Referenza għall-Bord kienu dawn:

a. jiddetermina x'wassal biex applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabilità Severa minn persuni li allegatament ma kinux medikament eliġibbli ġew aċċettati;

b. jistabbilixxi jekk f'dan il-proċess kienx hemm nuqqasijiet jew irregolaritajiet amministrattivi tul il-proċess ta' verifika, inkluż fl-evalwazzjoni medika;

c. jeżamina jekk is-sistemi u l-proċessi ta' sottomissjoni u evalwazzjoni u verifika ta' applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju humiex b'saħħithom biżżejjed biex jiġi assigurat li l-benefiċċju jingħata biss lil min verament ikun ħaqqu;

d. jirrakkomanda kif meħtieġ x'miżuri għandhom jittieħdu sabiex is-sistemi li bihom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet kif ukoll l-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet innifishom, jissaħħu aktar.

Il-Bord lesta r-rapport tiegħu u, kif kien wiegħed il-Gvern, dan qed ikun ippubblikat u fl-istess waqt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru Michael Falzon.

Il-Bord iltaqa' tmintax (18)-il darba fejn sema' x-xhieda tal-uffiċjali ewlenin fi ħdan il-Ministeru li taħthom jaqgħu r-responsabbiltajiet tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, impjegati li b'mod dirett kienu jamministraw id-diversi bordijiet li jiddeċiedu fuq il-benefiċċji rispettivi, kif ukoll numru ta' tobba li jiffurmaw parti mill-panels mediċi. Din ix-xhieda tifforma parti integrali tar-rapport u tinsab annessa miegħu.

Il-Bord jinnota li minħabba l-wasla tal-COVID 19, u għalkemm id-dipartiment kien beda jaħseb biex jintroduċi sistema fejn l-applikazzjonijiet isiru online, il-pandemija ħaffet l-introduzzjoni ta' dan il-proċess. Dan wassal biex, inevitabbilment, inbidel il-mod u l-proċedura ta' kif kellhom jiġu sottomessi d-dokumentazzjoni, iċ-ċertifikati u l-informazzjoni kollha rikjesta biex tiġi pprovduta mill-applikant għall-fini tat-talba għal din l-assistenza. Ħareġ ċar li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-lista tal-kondizzjonijiet mediċi aċċettabbli la qabel u lanqas wara l-pandemija.

Ħareġ ċar ukoll li l-valutazzjoni medika ta' kull applikant kienet f'idejn dawn it-tobba li kienu jarawhom. It-tobba kellhom ikunu sodisfatti li ċ-ċertifikati prodotti kienu jwasslu biex jiddeterminaw jekk l-applikant kienx isofri minn kundizzjoni jew le. Dan kien jiddetermina jekk l-applikant kienx eliġibbli jew le u konsegwentement it-talba tiegħu tintlaqax jew le. F'każijiet ta' epilessija, il-proċeduri kienu jesiġu wkoll li l-applikant jipproduċi dokument mingħand Transport Malta, li juri li hu rrinunzja għal-liċenzja tas-sewqan.

Joħroġ ċar mix-xhieda mogħtija, li t-tobba ta' kull panel kienu jistrieħu totalment fuq iċ-ċertifikati mediċi prodotti mill-applikant. Ħareġ ċar ukoll li t-tobba rinfaċċjati b'dawn iċ-ċertifikati ma kinux jiddubitaw fuq il-validità, il-kontenut jew il-firma fuq tali ċertifikati. It-tobba dejjem assumew li ċ-ċertifikati kienu ġenwini u maħruġa korrettament minn min ikun iffirma. Ir-raġuni għal dan kien li, it-tobba tal-panel kienu jirraġunaw, li billi ċ-ċertifikat kien maħruġ minn speċjalista jew saħansitra minn xi tabib li kien għallimhom l-università jew kien konoxxxenti tagħhom, ma kien jidħol ebda suspett li seta' kien hemm xi ħaġa irregolari f'dawn iċ-ċertifikati.

Jirriżulta li minħabba nuqqas ta' disponibbiltà tat-tobba, wara l-pandemija il-bordijiet mediċi kienu qed isiru b'2 tobba minflok 3, kif inhi l-prassi.

Irid ikun ippreċiżat iżda, li l-aċċess għall-file mediku fiżiku tal-isptar lill-bord ma nqatax wara l-pandemija, iżda meta ma kienx aktar possibbli li l-bordijiet mediċi jibqgħu isiru fl-Isptar Mater Dei. Dan seħħ fl-2015 u mhux wara l-pandemija.

Il-Bord fil-konklużjonijiet tiegħu jagħmel 10 rakkomandazzjonijiet.

  1. Hu preferibbli li n-numru ta' tobba li jiffurmaw l-panels mediċi rispettivi m'għandux ikun inqas minn tlieta (3). Dan ifisser li n-numru ta' tobba li jifformaw parti mill-pool eżistenti għandu jiżdied sostanzjalment biex tiġi evitata l-prassi li s-segretarji tal-bord jagħżlu t-tobba fuq bażi ta' “availability".

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Id-Dipartiment għandu jagħmel valutazzjoni, jekk hu il-każ, ta' l-introduzzjoni ta' bords mediċi speċjalizzati skont id-diżabilità. Dan jgħin ukoll fiż-żamma ta' statistika biex jiġu analizzati, u fejn meħtieġ investigati, xejriet mhux normali.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun qed jagħmel din il-valutazzjoni fid-dawl tal-fatt li fuq il-bażi ta' proposta fil-Manifest Elettorali tal-Gvern u li fuqha ġiet msejsa miżura soċjali fil-Budget 2024, flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, qed titħejja struttura ġdida, sew amministrattiva u sew legali, għat-twaqqif ta' bord interprofessjonali, fejn dan il-bord ikun jista' jiddeċiedi fuq każi ta' diżabilità skont l-International Classification of Functioning, Disability and Health (ICF) tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

B'din l-istruttura l-ġdida, il-bord interprofessjonali ser ikun jista' jiddeċiedi sew fuq il-ħlas tal-assistenzi għal diżabilità u kif ukoll fuq servizzi partikolari li jista' jkollu bżonn u dritt għalihom l-applikant.

  1. Jekk iċ-ċertifikat maħruġ mill-ispeċjalista ser jibqa' d-dokument ewlieni li fuqu ħa jistrieħ il-bord tat-tobba, id-Dipartiment għandu jiżgura li jkun hemm kontrolli b'saħħithom, u li jkun applikati b'mod konsistenti, biex jiġi żgurat il-validità u l-awtentiċità taċ-ċertifikat preżentat mill-applikant. Dan għandu jiġi indirizzat fil-kuntest tan-'non visible disabilities'.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

Din ir-rakkomandazzjoni diġà bdiet titwettaq mit-2 ta' Ottubru 2023 'il quddiem, fejn wara numru ta' diskussjonijiet interni wasslu biex jingħataw struzzjonijiet lis-segretarji tal-bordijiet mediċi sabiex jibdew jivverifikaw mal-ispeċjalista li tiegħu ikun jidher li hu kull ċertifikat mehmuż ma' kull applikazzjoni għal din l-assistenza, sabiex jikkonferma bil-miktub jekk tali ċertifikat ikunx verament maħruġ minnu.

Sadattant għaddej ix-xogħol li diġà kien maħsub, sabiex dalwaqt tibda topera sistema ġdida tal-IT li biha l-ispeċjalisti jissottomettu ċ-ċertifikati huma online permezz tal-eID tagħhom u wara jkompli l-proċess tal-applikazzjoni internament.

  1. Hu rrakkomandat li f'każ ta' 'non-visible disability' issir 'review' tal-benefiċjarju kull tant żmien.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Il-bords għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu joperaw aħjar. Dan jinkludu l-post u l-ispazju fejn jitlaqqgħu l-bords, kif ukoll il-faċilitajiet ta' computers biex ikunu jistgħu jidħlu fis-sistema myHealth. Għalhekk, l-applikant għandu jagħti l-kunsens tiegħu biex il-bord jara l-file mediku tiegħu.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Għandha tinżamm il-prassi li, f'każ li l-applikant ma jistax joħroġ mid-dar, il-membri kollha tal-panel mediku għandhom jmorru biex jeżaminaw l-applikant fid-dar tiegħu.

Il-Ministeru se jkun qed ikompli jwettaq din ir-rakkomandazzjoni kif diġà qed isir.

  1. Illi minbarra l-formula MP5B, li fiha jkun hemm id-deċiżjoni ffirmata mit-tobba u mis-segretarju tal-bord, għandhom jinżammu wkoll minuti uffiċjali ta' kull seduta.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Kull tabib maħtur f'kull panel għandu jiddikjara kull kunflitt ta' interess.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Il-unit li jinvestiga l-abbużi f'kull benefiċċju ma għandux jibqa' jifforma parti mill-Income Support and Compliance Division. Hu ssuġġerit li dan l-unit jibda jirrapporta direttament lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.

Il-Ministeru se jkun qed jikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni. Irid jingħad li minn meta d-Direttorat li jinvestiga l-abbużi mill-benefiċċji ingħaqad fid-Diviżjoni tal-Income Support and Compliance, ir-riżultati ta' dan id-Direttorat komplew jitjiebu bil-kbir.

Waqt li fl-2012 kienu nqabdu 548 persuna jieħdu l-benefiċċji soċjali b'mod abbużiv li kienu jammontaw għal €2.8m, fl-2023 inqabdu 894 persuna bil-benefiċċji soċjali jammontaw għal €5.9m. Dan minbarra ħidma preventiva oħra li ssir minn din id-diviżjoni fil-fażi tal-iskrutinju tal-applikazzjonijiet li qed twassal għall-iffrankar ta' miljuni oħra fis-sena f'benefiċċji soċjali li mhux jitħallsu.

Irid jingħad ukoll li kien proprju permezz tal-ħidma konġunta fi ħdan din id-diviżjoni li wasslet biex ġew skoperti ċertifikati mediċi suspettużi li wasslu biex il-pulizija firxet aktar l-investigazzjonijiet li diġà kienet qed tagħmel wara l-każ riferut lilha mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li wassal biex inqabdu l-persuni li  allegatament kienu l-moħħ wara dak li kien qed isir.

  1. Għandhom jiġu mfassla 'Standard Operating Procedures' (SOPs) biex iservu ta' linji gwida. Dawn l-SOPs għandhom jirriflettu kull tibdil li jsir fil-proċessi u proċeduri. Dawn għandhom jiġu mogħtija lil kull membru ta' kwalunkwe bord mediku mal-ħatra.

Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jixtieq jirringrazzja lill-Imħallef Emeritu Mizzi u s-Sinjuri Scicluna u Muscat għall-ħidma tagħhom fuq dan il-bord.

Punti saljenti

Il-Ministeru jfakkar li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li rrefera l-ewwel każ suspettuż f'Novembru 2021 u li minn Diċembru 2021 'l hawn, l-uffiċjali tad-Diviżjoni tal-Income Support and Compliance fi ħdan il-Ministeru kienu qed jaħdmu kontinwament flimkien mal-pulizija sabiex jinvestigaw kull każ li ngħata l-Assistenza għal Diżabilità Severa mill-2015 'l hawn.

Dawn l-investigazzjonijiet intensivi, li issa resqin lejn it-tmiem tagħhom, wasslu biex 288 Assistenza għal Diżabilità Severa twaqqfu fuq struzzjonijiet tal-pulizija, ittieħdu passi kontra l-persuni ikkonċernati u ntalbu jirrifondu dak li ħadu b'qerq.

Minkejja li l-uffiċjali tal-Ministeru qed imorru lura fl-investigazzjoni tagħhom sal-2015, kważi l-każi kollha li twaqqfu bdew jieħdu l-benefiċċju bejn l-2019 u l-2022 ħlief żewġ każi, wieħed fl-2016 u l-ieħor fl-2018.

Jirriżulta bl-aktar mod ċar li minn dawk kollha li ħadu din l-assistenza bejn l-2019 u l-2022, 3 minn kull 4 persuni ngħataw il-benefiċċju għax kien ħaqqhom u huma ġenwini.

In-numru ta' persuni li qarrqu bis-sistema huwa ferm anqas miċ-ċifri li għal xi żmien kienu qed jiġu kkwotati pubblikament, u dan kien qed isir mingħajr ma kienu qed jiġu vverifikati l-fatti.

Il-288 persuna li nqabdu jieħdu l-assistenza b'mod frawdolenti b'kollox iridu jirrifondu bejniethom ftit aktar minn €5.1m li minnhom diġà nġabru ftit aktar minn €1m. Meta jkunu kkunsidrati l-każi li nqabdu bejn l-2019 u l-2022, il-medja tagħhom hija ta' 71 każ fis-sena.

Min-naħa l-oħra, il-każi kollha ta' abbuż mill-benefiċċji soċjali li nqabdu bl-investigazzjonijiet regolari u kontinwi interni tal-uffiċjali tal-Ministeru bejn l-2006 u l-2023 b'kollox kienu 12,809 persuna jew medja ta' 712-il każ fis-sena.

B'kollox bejniethom dawn kienu qed jieħdu, jew ġew iffrankati milli jieħdu, total ta' €70.1m. Li kieku ma nqabdux, is-somma li kienu jilħqu jieħdu kienet tkun ferm iżjed.

Il-288 każ maqbuda issa, jirrappreżentaw appena 2.25% tal-abbużi kollha maqbuda fl-aħħar 18-il sena.

Fl-isfond ta' dan kollu, dmirna jibqa' li nwettqu ġustizzja soċjali; filwaqt li rridu nagħtu l-għajnuna u s-sostenn li min verament ħaqqu kif għamilna b'għexieren ta' miżuri soċjali fl-aħħar 11-il sena, irridu nassiguraw li min jabbuża jinqabad, jirrifondi lura, u fejn ikun applikabbli jittieħdu passi fil-konfront tiegħu, speċjalment fil-konfront ta' min ikun il-moħħ wara tali frodi.

Dan għamilnieh, qed nagħmluh u se nibqgħu nagħmluh bl-akbar saħħa u determinazzjoni mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.

PR240433a.pdfPR240433b.pdfPR240433c.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow