STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Iffirmat ftehim ta’ finanzjament għall-bini ta’ 267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali
“Matul din is-sena rekord għas-settur tal-akkomodazzjoni, mhux biss qed nibnu akkomodazzjoni soċjali, imma qegħdin naraw li nibnu komunitajiet sostenibbli għal kulħadd." Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes hekk kif il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Malita Investments iffirmaw ftehim ta' finanzjament ta' €22 miljun għall-bini ta' 267 appartament ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f'Ħal Farruġ, fejn diġà beda x-xogħol ta' kostruzzjoni.
Il-Ministru Galdes spjega kif ir-relazzjoni pożittiva li għandu l-Gvern Malti mal-Bank Ewropew tal-Investiment se twassal sabiex jinbnew akkomodazzjoni soċjali u affordabbli tal-ogħla livell, anke mil-lat ambjentali.
Huwa semma kif din is-sena pajjiżna se jara rekord ta' investiment f'dan is-settur, kif ukoll rekord ta' ftuħ ta' akkomodazzjoni soċjali u skemi għal firxa wiesgħa ta' benefiċċjarji. “Dan il-Gvern jibqa' impenjat li joffri saqaf affordabbli u tal-ogħla livell għall-familji l-iktar fil-bżonn u dan il-ftehim huwa pass ieħor 'il quddiem f'din il-ħidma. Fl-istess waqt kommessi li nkomplu bit-tisħiħ tal-iskemi eżistenti," temm jgħid il-Ministru Galdes.
Il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Gelsomina Vigliotti, qalet li dan l-investiment jikkonferma l-impenn tal-Bank li jimbotta 'l quddiem l-iżvilupp sostenibbli u jindirizza sfidi kruċjali u soċjali madwar l-Ewropa.
Iċ-Chairperson ta' Malita Investments, Marlene Mizzi esprimiet sodisfazzjon għall-fiduċja li l-Bank Ewropew tal-Investiment wera fil-kumpanija, kif ukoll fil-proġett ta' akkomodazzjoni soċjali f'Ħal Farruġ.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u l-Kap Eżekuttiv ta' Malita Investments Jennifer Falzon.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931