STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Disa’ skejjel jirċievu fondi għal proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma
Disa' skejjel primarji u sekondarji se jniedu diversi proġetti sabiex l-iskejjel tagħhom itejbu l-konservazzjoni tal-ilma. Dawn il-proġetti jvarjaw minn sistemi biex jinħażen l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-pjanti, installazzjoni ta' funtani tal-ilma għax-xorb kif ukoll kampanji favur l-immaniġġjar aħjar tal-ilma għall-istudenti u l-istaff tal-iskola kollha. Dan kollu se jsir permezz tal-inizjattiva tal-Proġetti tal-Iskejjel fi ħdan il-programm LIFE, immaniġġjat mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Manuel Sapiano nedew is-sitt sejħa għal proġetti waqt attività edukattiva għall-istudenti mill-iskejjel parteċipanti, fiċ-ċentru għall-konservazzjoni tal-ilma, Għajn ir-Rabat.
Il-Ministru Miriam Dalli rrikonoxxiet l-impenn tal-istudenti għal prattiċi sostenibbli fl-iskejjel tagħhom. “L-ilma huwa wieħed mir-riżorsi naturali li għandna ngħożżu, speċjalment fi gżejjer żgħar bħal Malta. Il-Gvern qiegħed jimplimenta diversi azzjonijiet biex jippromwovi l-konservazzjoni tal-ilma, li tvarja minn miżuri ta' protezzjoni u riġenerazzjoni tal-ilma tal-pjan biex tiżdied l-effiċjenza fl-impjanti tar-reverse osmosis, tiżdied il-produzzjoni tan-New Water għall-agrikoltura u skemi ta' sapport biex ninkoraġġixxu lill-familji u lill-intrapriżi jinvestu f'teknoloġiji ħalli jissalvagwardjaw l-ilma," sostniet il-ministru.
“Bis-saħħa ta' dawn il-proġetti li qed inniedu llum, l-istudenti qed juru li kulħadd jista' jkun ta' kontribut għall-konservazzjoni tal-ilma. B'hekk flimkien inkomplu naħdmu, b'inizjattivi bħal dawn fil-komunitajiet tagħna, għal futur iktar sostenibbli," żiedet tgħid Miriam Dalli.
L-istudenti ppreżentaw il-proġetti għall-iskejjel tagħhom, li inkludew fost l-oħrajn sistema ta' tisqija għall-ġonna ġewwa l-iskejjel tagħhom, il-bidla minn viti tal-ilma tradizzjonali għal dawk awtomatiċi, sistema ġdida ta' plumbing biex titnaqqas il-ħela tal-ilma, installazzjoni ta' pajpijiet tal-ilma għat-tisqija mill-ġibjuni kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' sistemi għal tnaqqis fil-konsum tal-ilma. Skejjel oħra se jkunu qed jaħdmu fuq kampanji edukattivi relatati mal-konservazzjoni tal-ilma, il-benefiċċji li nieħdu meta nixorbu l-ilma u l-importanza li nużaw fliexken tal-ilma li nkunu nistgħu nerġgħu nużaw iktar minn darba biex innaqqsu l-użu tal-plastik.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano faħħar il-kontribuzzjoni ta' dawn l-iskejjel u l-bidu ta' dawn il-proġetti innovattivi. Kompla wkoll billi inkoraġġixxa biex iktar skejjel jissieħbu f'proġetti simili. “Il-konservazzjoni tal-ilma u l-prattiċi fl-enerġija għandhom ikunu parti integrali mis-sistema edukattiva tagħna. Hija ħaġa pożittiva ħafna meta tara l-involviment ta' dawn l-istudenti b'tant entużjażmu għal dawn il-prattiċi," saħaq Manuel Sapiano.
Id-disa' skejjel li pparteċipaw din is-sena huma St Patrick's Salesian School Sliema, St Thomas More Fgura A, St Thomas More Tarxien Primary School, Kulleġġ Maria Regina Qawra Primary, Kulleġġ San Ġorġ Preca Valletta Primary, Kulleġġ t'Għawdex Patri Mattew Sultana Xagħra Primary, Kulleġġ ta' Għawdex Mons. Giov. Andrea Vella Żebbuġ Primary, Kulleġġ Santu Wistin Pietà, u Sacred Heart, Sliema.
Dan l-avveniment jimmarka wkoll l-għeluq tal-proġetti tas-sejħa tas-sena li għaddiet, li kienu ġejjin mill-Kulleġġ San Nikola Rabat Primary, Kulleġġ San Ġorġ Preca Valletta Primary, Kulleġġ San Ġorġ Preca Ħamrun Secondary u Kulleġġ Santa Tereża Middle School.
LIFE School Projects jagħmel parti mill-LIFEIntegrated Projects li jagħti sostenn lill-implimentazzjoni tar-River Basin Managament ta' Malta permezz ta' diversi miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u l-enerġija fil-gżejjer Maltin. L-azzjoni Ċ.4 taħt dan il-proġett tiffoka b'mod partikolari fuq l-attivitajiet edukattivi biex jipprowmovu l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-enerġija.
Iktar informazzjoni tinsab fuq is-sit www.energywateragency.gov.mt jew il-paġni soċjali Sostenibilità u Energy and Water Agency.
Stqarrijiet Oħra:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931