STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ftehim kollettiv ġdid li se joffri kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta
L-impjegati ta' Infrastructure Malta se jgawdu l-benefiċċji ta' ftehim kollettiv ġdid hekk kif wara diversi xhur ta' negozjati, Infrastructure Malta u l-General Workers Union (GWU) laħqu ftehim li se jwassal għal numru sostanzjali ta' benefiċċji għall-impjegati, fosthom żieda fis-salarji u kundizzjoni aħjar tax-xogħol.
Il-ftehim kollettiv ġdid ġie ffirmat mil-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Ivan Falzon u mis-Segretarju tat-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Riccarda Darmanin, u jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2027. Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Ministru għat-Transport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett, is-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, u s-Segretarju Ġenerali tal- GWU Josef Bugeja.
Il-Ministru Chris Bonett tkellem dwar kif dan il-ftehim kollettiv huwa prova tal-impenn li għandha Infrastructure Malta li mhux biss issaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż iżda tħares ukoll il-benesseri tal-professjonisti tagħha. “Dan huwa ftehim kollettiv importanti ħafna li juri kemm verament il-Gvern għandu għal qalbu u jpoġġi fiċ-ċentru lil ħaddiema sabiex dawn jipprovdu xogħol ta' kwalità għal pajjiżna."
Il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon qal li grazzi għan-negozjati li saru bejn id-Diviżjoni tal-People & Standards, il-GWU, il-ministeru u Infrastructure Malta, wasslu għal dan il-ftehim. Qal li dan il-ftehim jirrifletti dedikazzjoni kollettiva u li għandu l-għan li jseddaq ambjent ta' xogħol progressiv. “Permezz ta' dan il-ftehim qed inkomplu npoġġu l-ħaddiem fuq quddiem u qed inkomplu nenfasizzaw biex kull professjonist ikollu iżjed żvilupp professjonali," stqarr is-Sur Falzon.
Is-Segretarju tat-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Riccarda Darmanin spjegat li b'dan il-ftehim kollettiv ser titjieb il-pożizzjoni tal-ħaddiema kemm dik finanzjarja kif ukoll fir-rigward ta' progressjonijiet tal-karriera u miżuri favur il-familja. “Bl-għajnuna tar-rappreżentanti tal-ħaddiema stajna naraw xi bżonnijiet hemm u indirizzajnihom. Ta' min jgħid li bħala union, meta niffirmaw Ftehim Kollettiv, ix-xogħol tagħna ma jiqafx hemm, iżda nkomplu naħdmu flimkien għall-bżonnijiet tal-ħaddiema."
Stqarrijiet Oħra:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931