Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL

PR240387
Date Icon 11/03/2024

Is-Sur Malcolm Cutajar jinħatar bħala l-ewwel Ambaxxatur tematiku għall-immigrazzjoni

Is-Sur Mauro Farrugia jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali

Is-Sur Malcolm Cutajar inħatar bħala l-ewwel Ambaxxatur tematiku għall-Immigrazzjoni, liema ħatra saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. Il-kariga ta' Ambaxxatur għall-Immigrazzjoni hija t-twettiq ta' miżura mill-manifest elettorali tal-2022 li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħidma fuq l-immigrazzjoni anke barra minn xtutna. Il-ħidma fuq livell internazzjonali trid tqarreb lil pajjiżna lejn pajjiżi tal-oriġinu.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li “din il-ħidma mhijiex relatata biss mar-ritorn ta' immigranti li ma jkunux jikkwalifikaw għall-protezzjoni f'pajjiżna, iżda wkoll ma' kollaborazzjoni fuq inizjattivi ta' ġid li jistgħu jikkontribwixxu biex anqas nies jissugraw ħajjithom f'idejn it-traffikanti."

Huwa għamel referenza għaż-żieda ta' JobsPlus fir-responsabbiltajiet tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u fakkar li l-ħatra ta' Ambaxxatur tematiku għall-immigrazzjoni hija miżura oħra li ssaħħaħ il-koordinament tal-politika tal-pajjiż fuq l-immigrazzjoni, kemm irregolari u kif ukoll legali.

Is-Sur Mauro Farrugia ġie maħtur bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali, kariga li kien jokkupa s-Sur Malcolm Cutajar.

Il-Ministru Byron Camilleri awguralhom għall-kariga l-ġdida u enfassiza l-importanza li nkomplu niksbu aktar riżultati f'dan is-settur.

BIJOGRAFIJA TAS-SUR MALCOLM CUTAJAR

Is-Sur Cutajar għandu esperjenza vasta fil-qasam tal-immigrazzjoni, b'mod ewlieni fl-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali, fejn ilu jaħdem għall-dawn l-aħħar tnax-il sena. Matul iż-żmien tiegħu fi ħdan l-Aġenzija huwa okkupa bosta karigi, fosthom dawk ta' Assistent Kummissarju għar-Refugjati bejn Frar 2017 u Awwissu 2020, meta l-Aġenzija kienet għadha magħrufa bħala l-Uffiċċju tal- Kummissarju għar-Refugjati. Bejn Awwissu 2020 u Novembu 2021 kien Deputat Kap Eżekuttiv u f'Novembru tal-2021 inħatar  Kap Eżekuttiv.

Għal dawn l-aħħar tmien snin, is-Sur Cutajar kien jirrappreżenta regolarment l-interessi ta' Malta fuq kwistjonijiet relatati mal-ażil u l-immigrazzjoni f'diversi fora tal-UE. Huwa gradwat b'Baċellerat u b'Masters fir-Relazzjonijiet Internazzjonali.

BIJOGRAFIJA TAS-SUR MAURO FARRUGIA

Mauro Farrugia ġej minn snin twal ta' esperjenza permezz tal-ħidma tiegħu fl-oqsma soċjali u tal-immigrazzjoni, u okkupa diversi rwoli ta' tmexxija fis-servizz pubbliku.

Hu gradwat b'Baċellerat fil-Psikoloġija mill-Università ta' Malta, u ħadem fost oħrajn b'mod dirett fis-setturi tad-diżabilità, taż-żgħażagħ bi sfidi ta' mġieba diffiċli, fil-multi-kulturaliżmu u ma' nies li jkunu qed ifittxu l-ażil fosthom fil-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta' Persuni li qed ifittxu l-Ażil, u anke serva bħala Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

More Press Releases Right arrow