STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija pubblikazzjoni ġdida mill-Fondazzjoni Sagħtar permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-V
Fondazzjoni Sagħtar nediet pubblikazzjoni ġdida bit-titlu Superadult – Manwal għall-Kbar, li ġiet iffinanzjata permezz tal-iskema SIS (Small Initiatives Scheme), amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Din it-tnedija saret fil-Kulleġġ San Injazju, fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ, miċ-Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar Elaine Germani, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Superadult – Manwal għall-Kbar fih għadd ta’ pariri għat-tfal fil-mixja tagħhom biex isiru adulti. Il-kunċett tiegħu hu dak ta’ manwal li jista’ jintuża meta jkun meħtieġ, skont is-suġġett jew il-mistoqsijiet li wieħed ikollu. Il-ktieb jinkludi għażla ta’ temi, fosthom il-volontarjat, l-edukazzjoni, l-isports, l-ivvjaġġar u oħrajn, b’punti relatati dwar kif l-adulti jiffaċċjaw kull każ. L-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi huma mistiedna jużaw din il-pubblikazzjoni b’mod interattiv u ta’ gost għat-tfal.
Il-pubblikazzjoni hi bilingwali, bil-Malti u bl-Ingliż, biex tkun aċċessibbli għal kulħadd u tassisti lill-istudenti li qegħdin jitgħallmu ż-żewġ lingwi.
Waqt it-tnedija, Elaine Germani spjegat il-ħsieb tal-Fondazzjoni li tkompli tipprovdi materjal edukattiv għall-istudenti, kif ukoll il-kunċett u l-proċess biex setgħet issir din il-pubblikazzjoni. Hija sostniet li iktar minn 4,000 kopja ta’ Superadult – Manwal għall-Kbar se jitqassmu b’xejn lill-istudenti kollha li jattendu l-ħames sena fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti. Dan filwaqt li rringrazzjat lil kull min kien involut fil-proġett.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret is-sodisfazzjon tagħha li tara lit-tfal tal-Primarja jkunu l-benefiċjarji ta’ proġetti li qed isiru permezz tal-iskemi amministrati mill-MCVS. “Is-sabiħ ta’ dawn il-proġetti huwa li minnhom qed joħorġu proġetti li qed iħallu ġid kbir fis-soċjetajiet tagħna. U x’hemm isbaħ milli tara lill-uliedna jgawdu l-frott ta’ inizjattiva ħierġa mill-volontarjat. Inħares ’il quddiem biex kif għamilna ftit tal-ġimgħat ilu, fejn qassamna mal-miljun ewro f’fondi għall-għaqdiet, naraw li dawn il-fondi jkomplu jintużaw bl-aħjar mod possibbli biex iħallu l-aqwa valur miżjud,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, l-Ministru Clifton Grima qal li din hija pubblikazzjoni oħra li turi kif l-edukazzjoni tmur lil hinn minn dak li jiġi mgħallem fl-iskejjel. “L-edukazzjoni hija mezz kif inwasslu lit-tfal tagħna lejn tagħlim olistiku biex ikunu ċittadini responsabbli. Dan il-ktieb huwa mezz ieħor biex l-istudenti jkollhom għarfien dwar oqsma ewlenin li jintroduċu lill-istudent għal diversi kunċetti bżonjużi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum”, qal il-Ministru Grima.
Verżjoni diġitali tal-pubblikazzjoni se tkun disponibbli online b’xejn fis-sit saghtar.org.mt u l-app ta’ Fondazzjoni Sagħtar.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931