STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Laqgħa bejn il-Ministru tal-Intern Malti u s-Segretarju tal-Istat għall-Intern tar-Renju Unit. Imsaħħa r-relazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit fl-oqsma tas-sigurtà
F'Londra, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ltaqa' mas-Segretarju tal-Istat għall-Intern tar-Renju Unit James Cleverly. Il-laqgħa ta' bejniethom iffukat fuq il-koperazzjoni u qsim ta' informazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, koperazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija Malti u -National Police Chiefs' Council of England and Wales (NPCC) u n-National Crime Agency, koperazzjoni akbar fuq l-immigrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u r-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tal-immigranti irregolari li jkunu fallew il-proċess tal-ażil.
Il-Ministri Byron Camilleri u James Cleverly iddiskutew li tkun imsaħħa r-relazzjoni li nbniet fl-aħħar snin, bejn il-Korp tal-Pulizija Malti u dak Brittanniku, sabiex ikunu msaħħa l-isforzi fit-tkissir ta' bosta forom ta' ċrieki ta' kriminalità organizzata, b'mod ewlieni permezz tal-qsim tal-informazzjoni u ta' miżuri oħra proattivi għal iżjed sigurtà għan-nies taż-żewġ pajjiżi. Din il-ħidma qed twassal ukoll sabiex Malta jibqa' jkollha Korp tal-Pulizija li jirrifletti l-ħtiġijiet ta' soċjetà moderna u dinamika, b'iżjed ħidma diretta fil-qalba tal-komunità.
Il-laqgħa mbagħad kompliet tiffoka f'iżjed dettall dwar l-immigrazzjoni irregolari, hekk kif dan hu suġġett topiku u fuq nett tal-aġenda tal-Gvern tar-Renju Unit. Il-Ministru Byron Camilleri hawnhekk spjega kif Malta ħadet numru ta' deċiżjonijiet f'dan il-qasam, inkluż bidliet leġislattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni irregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali. Spjega kif saret ħidma mill-qrib ma' pajjiżi oħra, pajjiżi ta' oriġini u kif ukoll pajjiżi ta' tranżitu, sabiex tnaqqsu l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar, filwaqt li sar tibdil sabiex is-sistema tkun ġusta ma' min ħaqqu protezzjoni iżda iebsa ma' min ma jkollux dritt joqgħod f'Malta. Dan kien possibbli permezz ta' bidliet leġislattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta' applikazzjonijiet pendenti. Twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini ta' dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni.
Il-Ministru James Cleverly tkellem ukoll fid-dettall dwar il-materji marbuta mal-immigrazzjoni irregolari. Il-Ministru Cleverly temm billi irrikonoxxa l-impenn f'ħidmet il-Gvern Malti biex jitnaqqsu l-wasliet irregolari, bil-konsegwenza li allura tnaqqsu wkoll b'mod sinifikanti il-movimenti sekondarji minn Malta lejn l-Ewropa u r-Renju Unit.
Iż-żjara f'Londra kompliet ukoll b'laqgħat ma' tekniċi tal-Gvern tar-Renju Unit fl-oqsma msemmija, kif ukoll bi żjarat f'ċentri ta' koordinazzjoni tas-sigurtà Brittanniku, ewlenin fosthom dawk immexxija min-National Crime Agency. Hawnhekk il-Ministru Byron Camilleri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta Clinton O'Neill, mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u uffiċjali oħra fl-oqsma tas-sigurtà. L-awtoritajiet tas-sigurtà Maltija kellhom iċ-ċans jaraw il-ħidma ta' koordinazzjoni li ssir bejn l-entitajiet Brittaniċi, inkluż id-disseminazzjoni tal-informazzjoni bejniethom.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934