STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA Jirritona l-BBC Concert Orchestra f’Lulju li ġej fuq il-Fosos tal-Furjana
Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju se jirritorna l-BBC Concert Orchestra f’pajjiżna. Din hija l-ħames darba li qed jittella’ dan il-kunċert f’pajjiżna u t-tema ta’ din is-sena hija ‘The Iconic Queens of Soul’, fejn il-pubbliku mistenni jisma’ mużika minn kantanti rinomati bħal Tina Turner, Whitney Houston u Aretha Franklin.
Il-BBC Orchestra Concert ser tkun magħmula minn 70 mużiċist u 6 kantanti. Dan l-istess kunċert se jinstema’ wkoll fuq BBC Radio 2, radju li ta’ kuljum jesperjenza medja ta’ 14.2 miljun segwaċi.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef fil-preżenza ta’ Jason Carter u Anthony Cherry f’isem l-organizzaturi ta’ dan il-kunċert.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-kunċert huwa opportunità oħra li permezz tagħha nkomplu naraw kwalità ogħla fil-prodott turistiku li joffri pajjiżna. “Ninsabu ħerqana li naraw ir-ritorn ta’ dan il-kunċert ta’ livell għoli lura f’Malta. Matul is-snin dan l-istess avveniment kiber fil-prominenza tiegħu fost il-Maltin u anke t-turisti li jiġu jżuruna matul is-sajf. L-impenn tagħna ser jibqa’ bbażat fuq li noffru prodott turistiku diversifikat matul is-sena kollha,” tenna l-Ministru Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef żied jgħid li l-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija ta’ importanza kbira biex bħala pajjiż inkomplu ngawdu mill-viżibilità tant b’saħħitha li joffri dan il-kunċert għall-gżejjer Maltin, b’mod speċjali fis-swieq Brittaniċi.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934