STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Imħabbra skema biex issaħħaħ is-sigurtà online tan-negozji f’pajjiżna
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri nieda skema biex tkun imsaħħa s-sigurtà u r-reżiljenza tan-negozji f'pajjiżna billi toffri għarfien speċjalizzat u servizzi ta' cybersecurity. Din l-iskema ta' finanzjament, Cyber Assess, qed issir b'kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, u ċ-Ċentru Nazzjonali ta' Koordinazzjoni taċ-Ċibersigurtà (NCC) taħt il-kappa tal-MITA.
Waqt it-tnedija tal-iskema, il-Ministru Silvio Schembri qal li llum it-teknoloġija diġitali hija għodda neċessarja għal kull negozju. “Kif mad-dar jew mal-ħanut nagħmlu sistema ta' allarm, l-istess mod irridu naraw li jkollna infrastruttura diġitali sigura li tipproteġi n-negozji tagħna minn attakki ċibernetiċi," qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru spjega li din l-iskema hija biss ħolqa minn katina akbar ta' skemi offruti għal dan il-għan. “Is-sena li għaddiet nedejna l-iskema Mind the Gap, u l-iskema Cyberalt li hija kofinanzjata minn fondi nazzjonali u d-Digital Europe Programme se tkun estiża fil-ġimgħat li ġejjin."
Is-Cyber Assess għandha baġit totali ta' €150,000 disponibbli mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, parti mill-Programm NextGenerationEU. L-għan primarju ta' din l-iskema huwa li jkunu appoġġjati n-negozji Maltin sabiex jibbenefikaw minn servizzi varji bil-għan li jsaħħu s-sigurtà ċibernetika (cybersecurity).
“Miżura bħal din tkompli tgħinna nkomplu navvanzaw aktar 'il quddiem fir-rivoluzzjoni diġitali li qed ngħixu. Infakkar li pajjiżna f'dan il-qasam għamel passi ta' ġgant 'il quddiem, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' konnettività u servizzi pubbliċi online, tant u hekk li diġà lħaqna l-miri stipulati fid-Deċennju Diġitali tal-Unjoni Ewropea f'dawn iż-żewġ aspetti," temm jgħid il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA, l-Inġinier Emanuel Darmanin, qal li kif jindika l-isem Cyber Assess, din l-iskema se toffri l-opportunità biex mill-anqas 30 negozju lokali jkunu jistgħu jeżaminaw is-sistemi u l-infrastruttura diġitali tagħhom fejn tidħol is-cybersecurity.
Kull min hu interessat jipparteċipa f'din l-iskema jista' jżur is-sit https://ncc-mita.gov.mt/cyber-assess/ għal aktar informazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934