STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Tnedija tal-ktieb dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta – Sfida Eżistenzjali
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa konferenza stampa li matulha l-Parlament ta' Malta u l-Malta Employers' Association (MEA) nedew il-ktieb intitolat Ir-Rata Baxxa tat-Twelid f'Malta – Sfida Eżistenzjali.
Dan il-ktieb jiġbor fih l-interventi u l-kontribuzzjonijiet li saru mill-parteċipanti kollha tal-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f'Malta li saret f'Lulju 2023 fil-Parlament ta' Malta b'kollaborazzjoni mal-Malta Employers' Association (MEA).
L-Ispeaker saħaq fuq is-sehem ta' għaqdiet bħalMalta Employers' Association (MEA) u oħrajn bħala kollaboraturi tal-Parlament, li jwasslu l-veduti tal-imsieħba tagħhom dwar proposti kemm fuq l-aġenda tal-Parlament, iżda wkoll iressqu għad-diskussjoni aktar wiesgħa temi ta' importanza nazzjonali. Permezz ta' dawn il-laqgħat informali fil-Parlament, jissaħħaħ aspett importanti ta' demokrazija parlamentari, il-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku kemm fid-diskussjoni u fit-teħid ta' deċiżjonijiet importanti f'diversi oqsma ta' ħajjitna, inkluż il-wirt u l-ġid komuni tagħna.
Il-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f'Malta titqies bħala importanti għaliex il-parteċipanti kellhom l-opportunità jiddiskutu suġġett li joffri sfida eżistenzjali għal pajjiżna. L-Ispeaker fakkar b'dan li ġej: “Pajjiż, poplu u nazzjon mingħajr tfal għandu jitqies bħala mejjet u bla futur. Meta nħarsu lejn iċ-ċokon ta' pajjiżna....kull persuna għandha dimensjoni ta' valur aktar għoli. Il-fakultajiet intellettwali, l-għerf u valuri għonja, ħiliet edukattivi, professjonijiet, snajja' u kapaċitajiet fiżiċi oħra....jagħtu lil Malta u Għawdex dak kollu li hu neċessarju biex..... il-poplu jaspira għal għajxien dinjituż u wieħed tassew sostenibbli."
Hu fakkar l-imħabba li aħna Maltin u Għawdxin għandna lejn il-familja. Din għandha titqies bħala l-qofol ta' kull soċjetà. Hawn l-Ispeaker semma l-appell li kien sar biex tkun indirizzata l-problema tal-prezz tal-proprjetà. Dan qed iwassal għal diffikultajiet kbar fuq iż-żgħażagħ tagħna biex jiffurmaw il-familja tagħhom. Hu tenna li għalkemm l-awtoritajiet qed jagħmlu ħafna tajjeb fil-qasam soċjali, l-imġieba umana skorretta twassal biex jinbtu ċirkustanzi li jistgħu jxekklu l-iżvilupp uman.
L-uffiċjali tal-Malta Employers' Association (MEA) tkellmu dwar l-effett lir-rata baxxa tat-twelid jista' jkollha fuq l-ekonomija u l-qagħda soċjali f'Malta. Huma osservaw li l-età medja tal-ħaddiema Maltin qiegħda togħla. Din qed twassal biex is-suq tax-xogħol f'Malta jiddependi fuq ħaddiema barranin.
Aspett li qed jolqot lill-kumpaniji Maltin tikkonċerna l-ħaddiema żgħażagħ Maltin li jitqiesu flessibbli, innovattivi u mħarrġa. L-MEA tisħaq fuq l-importanza li jkollna bilanċ fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema Maltin żgħażagħ mal-esperjenza ta' ħaddiema anzjani. L-MEA tagħraf ukoll li pajjiżi oħra jinsabu f'ċirkustanzi simili bħal dawk ta' Malta. Dan ifisser li pajjiżna rrid jikkompeti biex ikattar, iżomm u jattira l-aħjar ħaddiema.
Il-konferenza kienet indirizzata mis-Sinjura Joanne Bondin u s-Sur Joseph Farrugia, President u Direttur Ġenerali rispettivi tal-Malta Employers' Association – MEA, kif wkoll minn Claudette Buttigieg, Kelliema tal-Oppożizzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete, u Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934