STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Il-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jagħmel referenza għall-istqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni u jinnota b'ħasra kif minflok kontribuzzjoni għas-settur, il-kelliem tal-Oppożizzjoni rewwaħ gidba fil-konfront tal-Ministeru. Fil-fatt dan il-Gvern jissimpatizza mal-karba tal-bdiewa meta wieħed iqis l-isfidi reali u sostanzjali li l-bdiewa fl-Ewropa ffaċċjaw f'dawn l-aħħar snin.
Fil-fatt, il-Gvern jieħu nota tal-fatt li l-protesti tal-bdiewa u raħħala Maltin huma immirati primarjament lejn il-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet Ewropej li huma maqtugħa kompletament mir-realtajiet li jgħixu huma.
Għal kuntrarju ta' dan, il-Gvern ta' Malta dejjem kien viċin is-settur, b'riformi kuraġġużi u importanti bħal dik tal-qbiela. Riforma oħra li saret biex tagħti ċertezza lis-settur u s-sostenibbiltà tiegħu għas-snin li ġejjin.
Ma' dan wieħed jista' jagħmel referenza wkoll għall-għajnuniet kontinwi u appoġġ li ngħataw il-bdiewa u raħħala fis-snin li għaddew.
Fil-fatt dan il-Gvern ma qgħadx lura lanqas mill-għajnuniet biex jkun hemm irkupru b'saħħtu mill-effetti tal-pandemija, b'għotjiet b'saħħithom lill-bdiewa u lir-raħħala tal-bhejjem. Biex intaffu mill-impatt tal-gwerra tal-Ukrajna, kienu ddedikati miljuni ta' ewro wkoll f'għajnuniet lir-raħħala tal-ħalib, skemi tal-fertilizzant u hemm ukoll il-fodder scheme.
Iżda, ma dawk l-inizjattivi maħsuba biex jilqgħu għaċ-ċirkostanzi internazzjonali hemm ukoll għadd kbir ta' inizjattivi oħra għall-bdiewa. Fuq quddiem nett l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa tela' minn €30 għal kull tomna għal €84, b'nefqa totali ta' madwar €15-il miljun. Dan filwaqt li għall-bdiewa żgħażagħ, hemm inċentiv ta' €60 għal kull tomna raba li jaħdmu.
Iktar minn hekk bejn l-2019 u l-2023, €79 miljun f'fondi ngħataw direttament il-bdiewa biex jinvestu f'makkinarju, inġenji u binjiet. Ma' dawn €190 miljun f'fondi Ewropej ġew allokati għall-Agrikoltura wara n-negozjati tal-Gvern Malti għall-perjodu 2021-2027.
Fl-2023, kienu ddedikati €21 miljun biex bdiewa investew f'proġetti f'żoni rurali, liema nefqa tal-Gvern issa se titla għal €25 miljun fis-sena 2024.
Kien dan il-Gvern ukoll li nieda skema għas-settur tal-majjal b'impenn għal ħames snin li bdiet fl-2021 u n-nefqa tagħha hi ta' madwar nofs miljun ewro fis-sena. Ma' dawn wieħed jista' jsemmi għajnuniet għar-raħħala u s-settur tat-tadam wara negozjati b'suċċess għall-iskema Coupled Income Support.
Il-Gvern kien bil-provi ta' spalla għas-settur meta dan kien fil-bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934