STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Strateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tagħha
“Din hija Strateġija għall-Edukazzjoni li se tittrasforma lis-settur edukattiv għaliex se tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, l-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri. Fiha qed naraw li l-edukazzjoni tkun ta' kwalità, permezz ta' aktar appoġġ u għodda għall-edukaturi kif ukoll biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom". Hekk qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu ta bidu għall-aħħar sensiela ta' laqgħat ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030.
Il-laqgħat qed isiru fil-bini tal-Kunsill Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, Raħal Ġdid u huma indirizzati għal kull settur, bl-ewwel waħda li kienet indirizzata għall-imsieħba fis-settur edukattiv.
Il-Ministru Grima qal li din l-istrateġija hija l-ewwel waħda li ma tfasslitx minn xi uffiċċju, imma nbniet mill-qiegħ, bl-ewwel laqgħat ta' konsultazzjoni jsiru propju mal-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri. Dan għaliex kull persuna li tilħaq il-potenzjal tagħha fil-perkors edukattiv tafu lill-edukaturi. Għalhekk l-edukaturi kienu ċentrali fit-tfassil ta' din l-istrateġija. Matul dawn ix-xhur saru 'l fuq minn 200 laqgħa ta' konsultazzjoni kemm ma' dawk kollha li jmissu mas-settur edukattiv kif ukoll mal-pubbliku.
Din l-istrateġija tgħaqqad ukoll strateġiji oħrajn li saru matul ix-xhur li għaddew u għalhekk tħares lejn it-trasformazzjoni tas-settur b'mod ħolistiku. Strateġija li mhux biss twassal għas-sena 2040, imma wkoll lill hinn minnha.
Matul l-introduzzjoni, qabel dawk preżenti taw ukoll il-kontribuzzjoni u l-ħsibijiet tagħhom dwar id-dokument, ġie emfasizzat li dan is-settur huwa wieħed dinamiku u jipprogressa biex jirrifletti l-bżonnijiet emerġenti f'dinja li dejjem tinbidel. Għalhekk din l-istrateġija taħseb għall-futur tat-tfal sabiex ikompli jkollhom l-opportunitajiet kollha li jgħinuhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin iwassluhom għall-bżonnijiet emerġenti. Fuq kollox, edukazzjoni li twassal biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega li dan kien eżerċizzju vast għaliex jemmnu fid-djalogu u l-konsultazzjoni, filwaqt li spjega li hemm entużjażmu biex din l-istrateġija issa tiġi implimentata. Huwa qal li biex isir dan, il-bidliet li hemm bżonn iridu jsiru kemm b'taħriġ u bl-għajnuna kollha li hemm bżonn, biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934