Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Estiża għal sena oħra l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ fjuwil għall-bastimenti tas-sajd

pr240138
Date Icon 31/01/2024

“Għal sena oħra, il-Gvern ser jerġa jinvesti fi skema ta' għajnuna fuq spejjeż addizzjonali relatati max-xiri tal-fjuwil għall-bastimenti tas-sajd." Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Il-Ministru Refalo u s-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegaw kif għal din is-sena l-Gvern qed jerġa' jinvesti €1 miljun, sabiex kull sajjied Malti u Għawdxi full-time rreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ser jibbenefika minn ammont massimu ta' €100,000 – liema ċifra tirrapreżenta żieda ta' aktar minn 30% fuq l-ammont massimu li ngħata s-sena li għaddiet.

Il-Ministru Anton Refalo nnota kif minkejja l-impatt negattiv li x-xena internazzjonali ġabet fuq pajjiżna, fosthom fuq is-settur tas-sajd, il-Gvern ra li l-piż ma jintrefax mis-sajjieda Maltin u Għawdxin u għalhekk għal sena oħra qed jerġa' jestendi din l-inizjattiva.

“Nirrikonoxxu l-importanza tas-sajd f'pajjiżna u x-xogħol tas-sajjieda u għalhekk bi pjaċir ninnota kif l-ammont iddedikat għal din l-iskema żdied għal miljun ewro din is-sena. B'hekk, sa tmiem is-sena 2024, is-sajjieda ser ikunu bbenefikaw minn total ta' kważi €3 miljun sa mill-bidu ta' din l-iskema, li kienet bdiet fis-sena 2022," temm jgħid il-Ministru Refalo.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tenniet kif dan l-investiment huwa xhieda tal-appoġġ kontinwu li l-Gvern qiegħed jipprovdi lis-sajjieda. “Nemmnu fil-potenzjal ta' dan is-settur u fl-importanza tas-sajd, biex insaħħu l-ekonomija, l-ambjent, u s-sostenibbiltà ekonomika ta' pajjiżna. Għalhekk, konna u ser nibqgħu tarka għas-sajjieda, u għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin."

Hija kompliet li s-sajjieda, flimkien mal-produtturi l-oħra bħall-bdiewa u r-raħħala, huma fuq quddiem nett biex jassiguraw is-sigurtà tal-ikel għal pajjiżna. “Grazzi għal dan l-investiment, ser inkomplu nħarsu l-għajxien tas-sajjieda tagħna. Fl-istess ħin, qegħdin ninċentivaw u nħajru aktar familji biex jixtru l-ħut frisk u lokali, li huwa element tant nutrizzjuż għas-saħħa u l-benessere tal-poplu tagħna," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

Il-perjodu ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sajjieda se jkun miftuħ bejn il-5 u d-9 ta' Frar 2024. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta u fl-indirizz tal-Front Office tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, kif ukoll fl-Uffiċini tal-Ħatt tal-Ħut (Malta u Għawdex) jew fl-Uffiċċju tal-Uffiċjali tas-Sigurtà fl-Għammieri, il-Marsa. L-applikanti li jixtiequ jniżżlu kopja tal-formola, jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw il-Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura.

Għal aktar mistoqsijiet fuq din l-iskema, is-sajjieda għandhom jagħmlu kuntatt mal-uffiċċju inkarigat mill-fondi tad-Dipartiment fuq 22926812 / 22926819, jew jibagħtu email fuq fisheriesprojects.mafa@gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Estiża għal sena oħra l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ fjuwil għall-bastimenti tas-sajd
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Estiża għal sena oħra l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ fjuwil għall-bastimenti tas-sajd
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow