STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport ta’ Verifika ta’ Prestazzjoni: The Operations of Jobsplus Law Compliance Unit
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-President tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia r-rapport hawn fuq imsemmi. Din il-verifika ta' prestazzjoni tanalizza l-operat tal-Law Compliance Unit (LCU) fi ħdan Jobsplus, li hija l-entità fdata biex tidentifika u tiddeterra l-impjieg irregolari. Dan l-awditu nnota li l-prestazzjoni ġenerali tal-ispetturi ta' din l-entità kienet sodisfaċenti. Madanakollu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) identifika oqsma fejn l-effettività tal-LCU tista' titjieb.
It-tmexxija għolja ta' Jobsplus ma setgħetx tissostanzja l-istqarrija tagħha bi studji robusti, li n-numru ta' spetturi li jagħmlu spezzjonijiet fiżiċi fl-intrapriżi lokali huwa biżżejjed. Filwaqt li jagħraf il-viżjoni ta' Jobsplus li ssaħħaħ l-element ta' investigazzjoni li tista' ssir permezz ta' mezzi elettroniċi minn ġewwa l-uffiċċji tal-entità, l-NAO jemmen li ċerti każijiet ta' impjieg irregolari jistgħu jkunu identifikati biss permezz ta' spezzjoni fiżika. Minkejja dan, filwaqt li tirrikonoxxi li dawn l-ispezzjonijiet huma impenjattivi u jistgħu, f'ċerti każijiet, irendu suċċess limitat għall-isforz investit, l-NAO xorta jikkunsidra din il-funzjoni bħala ċentrali għall-operat tal-LCU. Għal dan il-għan, filwaqt li jħeġġeġ l-iżvilupp ta' kif dan jista' jsir b'mod aktar ekonomiku, l-NAO jipproponi li din il-funzjoni għandha tiġi msaħħa.
Dan l-Uffiċċju osserva li l-kwistjoni t'hawn fuq teħtieġ li tikkunsidra wkoll is-sigħat operattivi koperti minn din l-entità peress li bħalissa l-ispezzjonijiet ġeneralment isiru matul il-ħinijiet normali tal-uffiċċju, liema sitwazzjoni toħloq lakuni fis-sistema ta' infurzar li jistgħu jiġu faċilment identifikati u sfruttati minn inadempjenti potenzjali. F'dan ir-rigward, filwaqt li jirrikonoxxi li l-prestazzjoni tal-ispetturi tal-entità hija ġeneralment ikkunsidrata sodisfaċenti, l-NAO huwa kkonċernat li dawn l-uffiċjali qed jirreżistu bidliet fil-prattiki ta' xogħolhom li huma evidentement meħtieġa biex l-LCU jwessa' u jżid il-preżenza tal-ispettorat tiegħu.
Din l-analiżi wriet ukoll li l-LCU ma tiddokumentax il-proċess li bih jintgħażlu l-kandidati għall-ispezzjoni. Apparti milli jirriżulta f'nuqqas ta' traċċa tal-verifika f'din il-parti tal-operat tal-entità, dan ifisser ukoll li kien impossibbli għall-NAO biex jivverifika jekk il-linji gwida interni dwar l-għażla tal-kandidati għall-ispezzjoni jiġux segwiti.
L-NAO osserva wkoll li l-qafas leġislattiv attwali jeħtieġ reviżjoni. Filwaqt li jirrikonoxxi żieda fil-penali applikabbli, dan l-Uffiċċju madanakollu nnota li l-entità ma ppruvatx tevalwa jekk dawn il-penali jistgħux ikunu kkunsidrati bħala suffiċjenti biex iservu ta' deterrent effettiv. Barra minn hekk, din il-verifika wriet li l-LCU qed jagħti perjodu addizzjonali ta' ratifika għal ċertu ksur lil inadempjenti identifikati. L-NAO osserva li dan l-approċċ jista' b'mod passiv iqajjem attitudni laxka lejn konformità mar-regolamenti tal-impjieg.
Matul din il-verifika, l-NAO nnota wkoll li s-sistemi tal-IT disponibbli għal-LCU għandhom xi limitazzjonijiet u, filwaqt li Jobsplus innotat li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għal dawn, l-istess entità enfasizzat ukoll li għaddej titjib fis-sistema attwali li ser itejjeb b'mod sinifikanti l-funzjoni tal-ispettorat, dan biex l-entità tkun infurzatur aktar effettiv u, b'implikazzjoni, tkun ta' deterrent akbar kontra impjiegi irregolari.
Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b'mod komprensiv f'dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-Uffiċċju. Ir-rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934