STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tisħiħ fl-operat tal-helpline 179
Il-helpline nazzjonali 179, li toffri appoġġ, informazzjoni dwar servizzi soċjali lokali u aġenziji oħra, u servizz ta' riferiment lil min iċempel u jeħtieġ aktar sostenn, kompliet issaħħaħ l-operat tagħha kif ukoll ir-riżorsi umani.
Fil-preżent, dan is-servizz, immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), huwa magħmul minn għoxrin ħaddiem, il-maġġoranza tagħhom operaturi tat-telefon aċċessibbli 24 siegħa kuljum, u tim ieħor ta' ħaddiema soċjali li jassisti kontinwament.
Dan is-supportline jirċievi telefonati dwar firxa vasta ta' sfidi, fosthom dwar sitwazzjonijiet ta' abbuż tat-tfal, vjolenza domestika, droga, alkoħol, problemi tal-logħob, persuni bla dar u traffikar uman, fost oħrajn.
Din l-informazzjoni ngħatat waqt żjara li saret lill-ħaddiema li joperaw dan is-servizz, mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-ministru qal li skont informazzjoni li nġabret fir-rapport ta' nofs is-sena 2023 (Jannar-Ġunju), kien hemm mas-7,800 telefonata u jirriżulta li l-aktar telefonati kienu b'rabta mas-solitudni.
“Qed noffru dan is-servizz mhux biex niġġudikaw, imma biex noffru tama, kuraġġ u anke sabiex nidentifikaw każijiet li jirrikjedu sapport fit-tul," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti tkellem dwar it-taħriġ u s-sapport kontinwu li jingħata lill-operaturi tas-servizz, li anke jingħataw superviżjoni individwali, sessjonijiet fi gruppi u għandhom ukoll aċċess għal tim ta' social workers li huma disponibbli 24 siegħa kuljum.
Intant, it-telefonati kollha li jaslu fuq l-Emotional Support Helpline tal-Unjoni Ewropea 116 123, kif ukoll fuq iċ-Child Helpline 116 111, huma trattati wkoll mit-tim tas-servizz tal-helpline 179.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934