STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA: Iffirmat ftehim għat-twaqqif ta’ Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Marsa
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità laħqet ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Marsa biex jitwaqqaf Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Marsa sabiex jiġu offruti diversi opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, taħditiet edukattivi, u attivitajiet oħra għall-anzjani, f'din il-lokalità. B'dan iċ-ċentru fil-Marsa n-numru ta' Ċentri tal-Anzjanità Attiva issa tela' għal 30 u f'dawn iċ-ċentri jattendu xejn inqas minn 2,218 membru.
Is-sala li tinsab fil-binja tal-istess kunsill, liema binja għadha kif ġiet rinovata, se tkun qed tintuża għal dan l-għan. Iċ-ċentru fil-Marsa se jkun immexxi minn ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità b'kollaborazzjoni mal-kunsill lokali, li flimkien fasslu programm ta' attivitajiet immirat lejn l-anzjani bil-ħsieb li jkomplu jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, l-attività fiżika u mentali u l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, li ppresjeda l-iffirmar tal-ftehim, spjega li dan iċ-ċentru l-ġdid huwa pass ieħor importanti biex tiġi indirizzata is-solitudni fost l-anzjani. “Huwa essenzjali li nipprovdu lill-anzjani tagħna spazji fejn jistgħu jiltaqgħu, jitgħallmu u jżommu ħajjin ir-rabtiet soċjali tagħhom. Il-ħsieb tagħna hu li niftħu aktar ċentri bħal dawn f'lokalitajiet oħra sabiex niżguraw li l-anzjani tagħna jkollhom aċċess għal dawn is-servizzi kemm jista' jkun qrib ta' darhom".
Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Marsa se jibda jkun miftuħ darbtejn fil-ġimgħa bejn it-8.00am u t-3.15pm fix-xitwa, u bejn it-8.00am u s-1.00pm fis-sajf.
Għal iktar informazzjoni, kemm fuq dan iċ-ċentru kif ukoll għal informazzjoni fuq servizzi oħra li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista' jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 3, Triq Żekka, il-Belt, jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt. F'Għawdex, wieħed jista' jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan, fuq in-numru tat-telefon 22788238, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Informazzjoni tista' tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934