STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jagħmel referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja' Justin Schembri u mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ.
Il-Ministeru jinnota li fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliema tal-Oppożizzjoni bħas-soltu, qalu biss li huma alternattiva biex is-sitwazzjoni fis-settur edukattiv tittejjeb, imma ma ppreżentaw ebda soluzzjoni jew il-viżjoni tagħhom għal dan is-settur.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni mhux talli mhux qed jieħu azzjoni fejn jidħlu l-applikazzjonijiet dejjem jikbru għal talbiet ta' LSEs, talli saħħaħ is-sistema, saħħaħ il-mod kif jiġu ngaġġati l-LSEs u skatta wkoll it-tieni Statementing Board, biex ikunu ipproċessati aktar applikazzjonijiet mingħajr dewmien. Fl-aħħar xhur il-Ministeru waqaf ukoll kumitat inter-ministerjali li jinkludi fih stakeholders kruċjali f'dan is-settur; ġiet ikkummissjonata riċerka dwar ir-realtajiet tal-każijiet li hemm bħalissa fl-iskejjel ta' pajjiżna u bdiet ukoll ħidma konġunta mal-Agenzija Ewropea tal-Inklużjoni biex jerġa' jsir audit dwar l-inklużjoni fl-edukazzjoni f'pajjiżna. Dan l-approċċ integrat, flimkien mal-ħidma kollha msemmija fit-tielet pilastru tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida, se jwassal biex fix-xhur li ġejjin ikollna mudell ta' inklużjoni sħiħ, li jħares lejn sistema edukattiva kollha u verament inkomplu npoġġu lil-persuna fiċ-ċentru. Dan il-mudell se jassigura li jkun hemm aktar taħriġ u appoġġ għall-edukaturi, servizzi aktar ħolistiċi għall-istudenti u wkoll involviment dirett tal-ġenituri u tal-komunità in ġenerali. Din hija ħidma li turi kif bil-fatti dan il-gvern jemmen fl-istudent, u qed jagħtih l-appoġġ kollu meħtieġ biex jilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħu.
Din hija ħidma li toħroġ biċ-ċar id-differenza bejn Gvern li jħares b'viżjoni strateġika 'l quddiem u Oppożizzjoni li hija maħkuma minn politika ta' kritika negattiva mingħajr ma toffri ebda soluzzjoni.
Fejn tidħol il-kritika dwar LSEs, fl-2022 ġew approvati 808 student biex jingħataw is-servizz ta' LSE. Fl-2023 ġew approvati 840 student ieħor biex jingħataw is-servizz ta' LSE. Dan ifisser li bejn l-2022 u l-2023, kien hemm total ta' 1,648 applikazzjoni li ġew approvati u ngħataw LSE. Tajjeb wieħed jinnota wkoll li sal-aħħar tal-2023, il-Ministeru għandu ingaġġati miegħu 2,862 LSE fl-iskejjel tal-istat, bin-numri ta' LSEs ingaġġati li qed jikber minn sena għall-oħra.
Wieħed irid iżomm f'moħħu l-kumplessità tal-każijiet li tvarja minn wieħed għall-ieħor, b'uħud mill-każijiet li jkunu jeħtieġu żjajjar u osservazzjonijiet fl-iskejjel rispettivi biex il-bord ikun jista' jieħu deċiżjoni aktar infurmata fl-aħjar interess tal-istudent/a. Dan jirrifletti l-ħidma tal-Ministeru għal servizzi iffukati fuq l-individwu u mhux fuq numri, biex l-istudent u l-familja tiegħu jkunu qed jibbenefikaw tassew minn inklużjoni f'edukazzjoni ta' kwalità.
Dwar l-applikazzjoni l-aktar pendenti li tmur lura għall-aħħar tas-sena 2022, huwa konfermat li l-każ mhux wieħed ta' diżabilità jew kundizzjoni severa. Fost il-108 każ li għadhom pendenti, hemm uħud li min naħa tal-Ministeru sar il-proċess kollu meħtieġ, madankollu ma kienx hemm rispons mill-ġenituri/kustodji tal-istudent/i konċernati, meta dawn intalbu biex jiltaqgħu mal-istatementing board.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934