STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT - Tiftaħ il-bibien Dar Tereża, kenn għall-ommijiet bi problemi ta’ saħħa mentali
B'investiment totali ta' madwar €620,000, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, inawguraw dar li se tkun qed tilqa' fiha madwar seba' ommijiet li għandhom problemi ta' saħħa mentali u li permezz ta' professjonisti se jkunu mgħejuna jiġu integrati lura fis-soċjetà.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega kif din il-binja se tkun immexxija minn Richmond Foundation. Spjega wkoll kif ix-xogħlijiet maġġuri li saru internament saru b'investiment mill-Housing Development Fund (HDF), amministrat mill-Awtorità tad-Djar. Il-Ministru qal li permezz ta' dan l-investiment, il-Gvern qiegħed ikompli jikkonferma kif is-settur tal-akkomodazzjoni huwa kruċjali għal kull individwu kif ukoll għall-komunitajiet ta' madwarna.
“L-għan tagħna huwa li niżguraw li s-soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni soċjali jkunu kkumplimentati minn servizzi u faċilitajiet li jiżguraw li dawn is-soluzzjonijiet ikunu tassew ħolistiċi, u jaqdu l-bżonnijiet tal-komunità, kif ukoll tal-individwi nfushom." Il-Ministru Galdes ikkonkluda jgħid li l-ftuħ ta' Dar Tereża permezz ta' dan l-investiment se jservi ta' eżempju ħaj ta' dak li l-Awtorità tad-Djar trid tikseb permezz tal-Housing Development Fund.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif din ir-residenza setgħet tiġi mgħammra bl-ogħla standards permezz tal-iskema VOPS. Fost oħrajn, ġew attrezzati diversi kmamar ewlenin, inkluż kċina, kmamar tas-sodda u kmamar tal-banju.
“Permezz tal-iskema VOPS, ir-Richmond kienu f'pożizzjoni li jattrezzaw din ir-residenza u joffru dinjità lir-residenti tagħha. Bħala Gvern se nkomplu ngħinu lil dawn l-għaqdiet joħolqu proġetti li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd fis-soċjetà. It-tisħiħ lil dawn l-għaqdiet se toħroġ aktar fiċ-ċar matul il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika għar-riforma li qed nipproponu, hekk kif se tgħolli dan is-settur għal-livell li jmiss," temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Iċ-Chairperson tal-HDF Charmaine Mangion qalet li permezz tal-investiment mill-Awtorità tad-Djar, binja dilapitata ħadet l-ħajja mill-ġdid u se sservi bħala Ċentru Speċjalizzat. “Kommessi li nkomplu nikkollaboraw ma' aktar għaqdiet volontarji biex nassiguraw li ntejbu l-aċċess għal servizzi bħal dawn fil-qalba tal-komunità," hija kkonkludiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo qal, “Permezz tal-iskema VOPS sar il-finanzjament għall-għamara ta' diversi kmamar f'din il-binja u b'hekk dan il-proġett seta' jieħu l-ħajja għall-ġid tas-soċjetà tagħna."
Preżenti għall-ftuħ kien hemm is-Segretarji Permanenti Emanuel Psaila u Nancy Caruana u s-Sindku ta' Bormla Marco Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934