STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta tniedi l-prijoritajiet tagħha għall-Presidenza tal-OSCE
“Insaħħu r-reżiljenza, Inżidu s-sigurtà. Din hija l-viżjoni ta' Malta għall-Presidenza tal-OSCE matul l-2024", qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u ċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE Ian Borg waqt l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Permanenti tal-istess organizzazzjoni fi Vjenna, l-Awstrija.
Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru Ian Borg tenna li l-fiduċja tas-56 pajjiż, apparti Malta, matul dan iż-żmien ta' sfida tpoġġi responsabbiltà kbira fuq pajjiżna sabiex inservu b'umiltà u b'impenn. Żied jgħid li l-prijoritajiet ta' Malta huma msejsa fuq l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi u huma obbligazzjonijiet għall-istati parteċipanti kollha tal-OSCE.
L-ewwel prijorità tal-Presidenza Maltija hija l-impenn inekwivoku sabiex tkompli tindirizza l-gwerra illegali ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għal darb'oħra, iċ-Chairperson-in-Office talab għall-irtirar immedjat tar-Russja mit-territorju kollu tal-Ukrajna.
Il-Ministru Borg spjega l-impenn ta' Malta biex tiffaċilita d-djalogu għal soluzzjonijiet politiċi dejjiema u sostenibbli għal kunflitti oħra madwar ir-reġjun tal-OSCE, partikolarment fl-Ewropa tal-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu. Huwa wiegħed ukoll appoġġ għall-field operations tal-OSCE, inkluż billi tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jassistu lill-awtoritajiet ospitanti fl-implimentazzjoni tal-prinċipji u tal-impenji tal-OSCE.
Is-salvagwardja tal-funzjonalità tal-OSCE u s-sejba ta' soluzzjonijiet għat-tmexxija ta' din l-organizzazzjoni hija prijorità ewlenija oħra.
Iċ-Chairpersonship ta' Malta għandha l-għan li tibni fuq is-suċċess tal-Maċedonja ta' Fuq biex iżżomm lill-biljun ruħ tar-reġjun tal-OSCE fiċ-ċentru tal-inizjattivi ta' din l-organizzazzjoni. Għan ieħor ta' Malta huwa li tadotta approċċ inklużiv billi tintegra l-ġeneru u żżid l-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ fid-diskussjonijiet.
F'dan l-isfond, Malta għandha l-għan li tiffoka fuq l-aġenda tan-Nisa, Paċi, u Sigurtà u fl-istess waqt iġġedded l-inizjattivi tal-OSCE kontra t-theddid ta' cyber, sfidi tranżnazzjonali u tiżgura l-konformità mal-impenji tal-kontroll tal-armi.
Filwaqt li tirrikonoxxi l-interkonnettività tas-sigurtà, il-prosperità ekonomika, u l-ambjent, Malta se tkun qed tenfasizza sabiex tara aktar inklużjoni u aċċess diġitali għal kulħadd, l-kooperazzjoni dwar ir-reżistenza għall-klima, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-sigurtà tal-ikel.
Waqt id-diskors, iċ-Chairperson-in-Office Ian Borg talab lill-istati parteċipanti kollha biex iħarsu d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt speċjalment fis-sena elettorali importanti li ġejja fl-Unjoni Ewropea u lil hinn. Il-Ministru żied jgħid li fi żmien meta l-libertà tal-midja hija mhedda aktar minn qatt qabel, iċ-Chairpersonship ta' Malta se tmexxi 'l quddiem inizjattivi dwar il-litteriżmu tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti, b'mod partikolari l-ġurnalisti nisa. Barra minn hekk, Malta se tinvolvi ruħha b'mod attiv fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin.
Fir-rimarki ta' konklużjoni tiegħu, il-Ministru Borg afferma li Malta se timpenja ruħha biex tagħmel dak kollu possibbli fit-tisħiħ tar-reżiljenza ta' din l-organizzazzjoni u tal-poplu tagħna, fit-tfittxija ta' futur sigur u paċifiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934