STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-netwerk tal-elettriku qed javvanzaw f’diversi lokalitajiet
L-Enemalta u Infrastructure Malta jqiegħdu 70 kilometru ta' cables ġodda taħt l-art
Qed javvanza l-pjan ta' implimentazzjoni tal-gvern sabiex jiġi aċċellerat it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż. Bħalissa għaddejjin diversi proġetti fi tnax-il lokalità u f'diversi lokalitajiet oħra se jibdew fiż-żmien li ġej.
Bħala parti minn investiment estensiv, Enemalta qed tikkollabora ma' Infrastructure Malta, ma' Transport Malta u ma' diversi kunsilli lokali. Dan biex jiżdiedu aktar minn 70 kilometru ta' cables ta' 11-kilovolt taħt l-art u b'hekk jingħaqdu mal-grid nazzjonali fix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet ta' tqegħid ta' cables bdew lejn l-aħħar tax-xahar li għadda.
Bħalissa dawn it-tliet entitajiet qed jikkoordinaw ħidma f'Ħad-Dingli, fl-Imtarfa, fil-Mosta, fin-Naxxar, f'Ħal Kirkop, fiż-Żurrieq, f'Bormla, f'Ħaż-Żabbar, fil-Kalkara, fil-Gudja, f'Ta' Qali u fix-Xgħajra. Fil-ġimgħat li ġejjin, aktar ħaddiema se jkunu mobilizzati biex jibdew ix-xogħlijiet ta' upgrades fin-network f'diversi lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi, Chris Bonett, u s-Sindku ta' Ħad-Dingli, Raymond Schembri, iltaqgħu ma' aktar minn 100 ħaddiem li qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti waqt żjara f'Ħad-Dingli waqt it-tqegħid ta' cables.
Il-Ministru Miriam Dalli fakkret li s-sajf li għadda l-gvern wiegħed li se jirdoppja l-investiment għall-2024 fuq l-infrastruttura elettrika ta' Malta biex tkompli tittejjeb il-kwalità tas-servizzi elettriċi għall-familji u għan-negozji, biex jilqa' għad-domanda futura u biex jilqa' għat-tibdil fil-klima.
“Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta qed jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom biex fi ftit xhur iżidu rekord ta' cables ġodda man-network, kważi erba' darbiet aktar kilometri ta' cables minn dak miżjud fl-aħħar sentejn. Dan ix-xogħol ta' rinfurzar huwa importanti għaliex qed joħloq aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tal-pajjiż, inaqqas ir-riskju li jkun hemm diffikultà fil-provvista tal-konsumaturi, filwaqt li jgħinu lill-Enemalta tagħti lura l-provvista f'inqas ħin meta jinqalgħu diffikultajiet," qalet il-Ministru Dalli.
“Flimkien ma' xogħlijiet li għaddejjin u dawk li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej, inklużi ċentri ta' distribuzzjoni u substations ġodda, dan l-investiment se jikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku aktar reżiljenti," żiedet tgħid il-ministru.
Il-Ministru Chris Bonett esprima sodisfazzjon li dan il-proġett, b'kollaborazzjoni bejn it-tliet entitajiet, qed jassigura l-implimentazzjoni tal-wegħda tal-gvern, dik li jirdoppja l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku.
“Qed ninvestu fi prijoritajiet li jiffokaw fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini, billi nsaħħu aktar ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista fin-network tal-elettriku. Dawn ix-xogħlijiet se jibqgħu għaddejjin fix-xhur li ġejjin, hekk kif se nkomplu nassiguraw kordinazzjoni konġunta minn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, fejn se nkomplu naraw koordinament sħiħ biex inaqqsu l-inkonvenjenza lejn il-pubbliku," qal il-Ministru Bonett.
Barra l-proġett ta' 11-il kilovolt ta' cables, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan tagħha għas-sitt snin li ġejjin, hekk kif kien imħabbar fl-2022, biex tissaħħaħ l-infrastruttura fid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Bħala parti minn dan il-pjan, fl-2024 se jibdew ix-xogħlijiet fuq 45 substations ġdid u xogħol ta' upgrades fuq dawk eżistenti.
Għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet fuq żewġ ċentri ta' distribuzzjoni ġodda, fin-Naxxar u fis-Siġġiewi. Ix-xahar li għadda ħarġu żewġ sejħiet għal ċentru ta' distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar. F'Diċembru wkoll ħarġet sejħa għal xogħlijiet ta' upgrades fiċ-Ċentru ta' Distribuzzjoni fl-Imsida. Enemalta qed tara wkoll li żżid il-kapaċità fiċ-Ċentru ta' Distribuzzjoni f'St Andrew's, u li tiżviluppa żewġ ċentri ta' distribuzzjoni f'Ħad-Dingli u fiż-żona tal-Kottonera.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Ivan Falzon, u d-Direttur fuq it-Taqsima tal-Permessi tax-Xogħlijiet fit-Toroq ta' Transport Malta, Edric Micallef, akkumpanjaw lill-Ministru Bonett u lill-Ministru Dalli waqt din iż-żjara.
Għal aktar informazzjoni, żur enemalta.com.mt jew segwi l-paġni tal-midja soċjali tal-Enemalta, Sostenibbiltà u Infrastruttura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934