STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitpoġġa l-pont pedonali fis-sit tal-Forti Sant’Anġlu
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett żar il-proġett tal-pont ta' Forti Sant'Anġlu, fil-Birgu li issa daħal fil-fażi fejn qed jsir it-tqegħid tal-pont pedonali, l-ewwel minn żewġ strutturi ġodda li ser jitpoġġew f'dan il-proġett.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Bonett, ingħata tagħrif dwar il-proġett mill-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Ivan Falzon, u l-uffiċjali responsabbli mill-proġett.
Il-pont pedonali ser jagħti aċċessibilità sigura lil min ikun qed jimxi fl-inħawi, separatament mill-vetturi li jgħaddu f'dawn l-inħawi. Wara t-tqegħid ta' dan il-pont, ser jibdew ix-xogħlijiet fuq it-tieni struttura li ser tkun maħsuba għall-vetturi b'din mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan il-proġett għandu żewġ miri importanti x'jilħaq, li jipprovdi passaġġ pedonali sigur għal kull min irid jaċċessa l-Forti Sant'Anġlu u li jinbena pont ġdid għal użu tal-vetturi.
“Il-Forti ta' Sant'Anġlu flimkien mal-bqija taż-żona tal-Birgu Waterfront, hija żona li tiġbed lejha ħafna Maltin, turisti u nies li jagħmlu użu mill-Marina. B'hekk qegħdin naraw li filwaqt li nagħtu aċċess sigur għal kull min iżur dan is-sit, nagħmlu dan malajr kemm jista' jkun u bl-inqas mod inkonvenjenti," sostna l-Ministru Bonett.
Pjanti fl-Arkivju Notarili juru li l-pont eżistenti nbena fil-bidu tal-1900. Dan kien magħmul mill-ħadid u aktar tard imdawwar bil-konkrit. Matul is-snin, il-pont ġarrab ħsarat minħabba użu eċċessiv u ddgħajjef.
Sħarriġ li sar reċentement fuq l-istruttura tal-pont wera li kien hemm difetti fuq il-binja. Is-soluzzjonijiet temporanji ma kinux biżżejjed u ttieħdet deċiżjoni li jsiru żewġ pontijiet ġodda, li huma siguri u li jagħtu aċċessibilità għal għanijiet differenti. Infrastructure Malta għarfet il-valur storiku ta' dan is-sit u żammet kuntatt dirett mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, b'din l-entità kienet involuta mill-bidu nett tal-proġett u kkontribwixxiet fid-disinn, filwaqt li qed tkompli tissorvelja l-ħidma li għaddejja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934