STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Riċerka innovattiva għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-abitati marini permezz tal-AI
F'konferenza tal-aħbarijiet ġiet imħabbra kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Università ta' Malta, li permezz tagħha se jiġu implimentati proġetti ta' riċerka biex jiżdied l-għarfien u jiġu identifikati soluzzjonijiet innovattivi dwar l-ekosistemi tal-baħar.
Ġie spjeat li l-proġett 'Smart Solutions for Unique Ecologies', li se jiġi ffinanzjat mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni u mmexxi minn riċerkaturi lokali, jinkludi fih ħames proġetti ta' riċerka marina. Illum ġie mniedi wieħed minn dawn il-proġetti ta' riċerka intitolat 'AI for conservation and sustainable management of marine habitats' li se jkun immexxi mill-Professur Timothy Gambin.
Dan il-proġett ta' riċerka għandu l-għan li jikseb aktar għarfien dwar l-abitati marini u l-opri tal-baħar storiċi li jinsabu fihom li ħafna minnhom joffru kenn għal diversi speċi ta' ħajja marina. Għaldaqstant, permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) flimkien ma' studji ekoloġiċi marini, timijiet ta' riċerka se jkunu jistgħu jiġbru u jevalwaw informazzjoni unika li hija essenzjali għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-abitati marini.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega kif l-investiment f'dawn il-proġetti ta' riċerka jorbot bis-sħiħ mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. “Bl-appoġġ għal proġetti ta' riċerka u ż-żieda ta' investiment fix-xjenza, il-Gvern qiegħed jixpruna dejjem aktar l-importanza u l-ħtieġa tar-riċerka f'pajjiżna. Proġetti ta' riċerka bħal dan imniedi llum qed jikkontribwixxu wkoll għall-miri tad-Deċennju tan-Ġnus Magħquda tax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari fil-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità", kompla s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li dan il-proġett, li se jgħaqqad flimkien it-teknoloġija, l-istorja u x-xjenza marina, se joffri perspettiva oħra dwar ir-riċerka u l-konservazzjoni. Huwa temm jgħid li r-riżultati ta' din ir-riċerka se jwasslu għal aktar għarfien dwar l-opri tal-baħar misjuba fil-qiegħ tal-baħar u l-ekosistemi li kibru madwarhom f'dawn is-siti.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred J. Vella, tkellem dwar l-importanza ta' investiment bħal dan fir-riċerkaturi lokali. “Huwa ta' sodisfazzjon għall-Università ta' Malta li jixhed li l-inizjattivi ta' riċerka fi ħdanha qegħdin jiġu mbuttati 'l quddiem. Bi pjaċir nilqa' din il-kollaborazzjoni li se twassal għal vjaġġ dwar il-wirt kulturali misjub taħt il-baħar u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali sabiex jistudja l-ekoloġiji marini fl-opri tal-baħar misjuba fl-ibħra Maltin. Inħares 'il quddiem sabiex naraw r-riżultat ta' din il-ħidma," għalaq Prof. Vella.
Il-Professur Timothy Gambin, responsabbli mill-proġett ta' riċerka, ta' spjegazzjoni tal-proċess fejn qal “L-ewwelnett, irridu niżviluppaw għodda speċifika sabiex tgħinna niksbu informazzjoni li kapaċi tagħtina perspettivi ġodda tas-sinifikat ekoloġiku tal-opri tal-baħar storiċi misjuba fl-ibħra tagħna. It-tieninett, dan il-proġett se juri l-potenzjal tal-AI għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-abitati marini." Huwa qal ukoll kif bl-użu tal-AI, dan il-proġett ta' riċerka se janalizza u jinterpreta informazzjoni kumplessa mill-ekosistemi li jinsabu taħt il-baħar, kif ukoll se jesplora effetti oħra li huma diffiċli li jiġu studjati mill-qrib.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934