Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Sa tmiem din il-ġimgħa l-pensjonanti kollha ser jirċievu żieda fil-pensjoni

PR240057
Date Icon 17/01/2024

Ġie mħabbar illi nhar is-Sibt li ġej se jitħallsu l-pensjonanti tal-invalidità u dawk fuq il-pensjoni minima nazzjonali. B'hekk, tul dawn l-ewwel ġimgħat ta' Jannar, se jkunu tħallsu l-kategoriji kollha ta' pensjonanti, li jammontaw mal-100,000 pensjonant, li lkoll ser jirċievu żidiet li minn tal-inqas jammontaw għal żieda ta' €780 meta mqabbla mas-sena l-oħra.

Fl-istess waqt, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jaħdem id-differenza dovuta lill-pensjonanti li twieldu wara s-sena 1962, sabiex b'mod gradwali jirranġa anomalija li nħolqot fis-sena 2006.

B'hekk, b'effett minn din is-sena, is-ceiling ta' dawk li twieldu qabel l-1962 se jibda jogħla b'ritmu aktar mgħaġġel minn ta' dawk li twieldu wara biex gradwalment titneħħa d-differenza bejn it-tnejn. Min twieled qabel l-1962 u għandu d-Dħul Pensjonabbli tiegħu kurrenti jvarja bejn €20,424 u €22,000 se jkun qed jieħu żieda addizzjonali sa massimu ta' €9.48 fil-ġimgħa.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern ser ikompli jżomm kelmtu u l-wegħdiet illi għamel mal-familji u l-pensjonanti kollha. “Hekk kif qbiżna nofs dan ix-xahar eluf ta' persuni jistgħu jixhdu dan l-impenn. Dan filwaqt li fi tmiem is-sena li għaddiet ħallasna bil-quddiem il-pagamenti taċ-Children's Allowance, tal-In-Work Benefit u l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, fost oħrajn," stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru spjega kif l-In-Work Benefit flimkien mat-Tapering tal-Benefiċċji, child care b'xejn u inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern, taw spinta sabiex ħafna benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali ħarġu fid-dinja tax-xogħol u ma baqgħux jiddependu fuq l-għajnuna soċjali, tant li mill-2013 sal-lum il-benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali naqsu b'56%.

Issemma wkoll kif reġa' ssaħħaħ iċ-child bonus sabiex jgħin lill-familji b'wild ġdid jew adozzjoni. Għat-tieni darba ser jiżdied dan il-bonus u minn €400 għal kull wild ser jitla' għal €500 għall-ewwel wild u għal €1,000 għat-tieni wild ġdid fil-familja jew aktar.

Mal-ewwel pagamenti li ħarġu din is-sena tħallsu 4 każijiet fejn kien hemm l-ewwel wild u 9 każijiet fejn kien hemm it-tieni wild.  Huwa kkalkulat li madwar 3,200 familja ser igawdu minn dawn ir-rati iktar għoljin.

“Dan il-Gvern ser ikompli jsaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-familji kollha filwaqt li jagħti kwalità ta' ħajja aħjar, u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja," temm jgħid il-Ministru Falzon.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Sa tmiem din il-ġimgħa l-pensjonanti kollha ser jirċievu żieda fil-pensjoni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  L-ERA tniedi pubblikazzjoni kommemorattiva: Għaxar snin ta’ ħidma favur il-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ Malta

PR261935

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow