STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Jibda l-programm U4A fid-dar residenzjali Golden Care fil-Għargħur
Permezz ta' ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Università ta' Malta, ġie mniedi l-programm tal-Università tar-raba' età (U4A) fid-dar residenzjali Golden Care fil-Għargħur. Dan ifisser li f'din ir-residenza ser jiġu organizzati diversi sessjonijiet edukattivi għall-anzjani bħala parti mill-Università tar-raba' età. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-programm edukattiv li se jkun offrut se jkun addattat għall-persuni li jgħixu bid-dimensja. Kompla jispjega kif permezz ta' dan il-programm se jittellgħu diversi attivitajiet sabiex l-anzjani jibqgħu attivi b'mod intellettwali u soċjali, u fl-istess waqt jibqgħu jitgħallmu dwar suġġetti varji.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea sostna kif permezz ta' dawn il-programmi diġà qed jibbenefikaw madwar 635 membru f'ċentri differenti madwar Malta u Għawdex. Semma kif fir-residenza Golden Care ser ikunu qed jibbenefikaw madwar 40 persuna li huma residenti f'din id-dar u li se jipparteċipaw f'dan il-programm fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
“Huwa sabiħ li nkomplu naraw numru t'anzjani li mhux biss jibqgħu attivi fiżikament, imma wkoll li qed ikomplu juru interess f'korsijiet u programmi li noffru," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Għal iktar informazzjoni dwar il-programm tal-U4E wieħed jista' jibgħat email fuq marvin.formosa@um.edu.mt jew iċempel fuq 23403952.
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935