STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Terġa tinħareġ l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali
Inħarġet għal darb'oħra l-Iskema ta' Restawr għall-Kunsilli Lokali. L-iskema, li kienet inħarġet għall-ewwel darba fl-2015, tippermetti lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw u jipproponu restawr ta' binjiet żgħar jew monumenti immobbli oħra meqjusa denji u li jeħtieġu preservazzjoni fil-komunità tagħhom.
Din l-iskema hija mmirata lejn proġetti ta' restawr ta' kappelli żgħar, statwi, niċeċ, pillboxes u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra li jinsabu fl-irħula u l-ibliet.
Għal din l-iskema nħarġu sett ta' linji gwida u kriterji għall-applikazzjoni biex jgħinu lill-Kunsilli Lokali meta jkunu qed jissottomettu proposti għall-proġetti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif minn kemm ilha tinħareġ din l-iskema, intgħażlu total ta' erbgħa u ħamsin proġett ta' restawr f'wieħed u erbgħin lokalità differenti f'Malta. Qal li dan ifisser li 82% tal-Kunsilli Lokali eliġibbli għal din l-Iskema diġà kellhom proposta ta' restawr li ġiet magħżula. “Bi skemi bħal dawn qed nivvalorizzaw u nagħtu lura lin-nies diversi aspetti tal-patrimonju tant sbieħ li għandna f'pajjiżna, fid-diversi komunitajiet," temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet li l-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħhom u appellat sabiex jidentifikaw u jressqu 'l quddiem postijiet storiċi u ta' wirt kulturali li jirrikjedu restawr. “Kommessi li naraw li l-wirt storiku ta' pajjiżna jiġi ppreservat sabiex jibqa' jkun apprezzat minn ġenerazzjonijiet futuri," saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
L-iskema hija amministrata u eżegwita mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-eżekuzzjoni fuq il-post. Il-kunsilli lokali li huma eliġibbli għal din l-iskema għandhom sa nhar il-Ġimgħa, 23 ta' Frar 2024 biex jissottomettu l-proposti tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935