STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Titnieda t-tieni edizzjoni ta' AgriFair – vetrina importanti għas-settur agrikolu
Il-Ministru Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, nedew it-tieni edizzjoni ta' AgriFair. Dan l-avveniment, li se jkun qed isir bejn it-12 u l-14 ta' April li ġej, mistenni jkompli jgħolli l-livell tas-settur tal-agrikoltura u s-sajd, li huma tant kruċjali għal pajjiżna.
Fl-ewwel edizzjoni tal-Malta AgriFair kien hemm 50 esebitur u fi tlett ijiem żaru l-fiera aktar minn 35,000 persuna.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal kif l-għan ewlieni tal-Malta AgriFair hi li b'mod innovattiv u interrativ tesponi l-kwalità tal-ikel lokali u turi l-ħiliet u l-kapaċitajiet ta' kull min jaħdem f'dan il-qasam. Dan ukoll fl-ispirtu tal-istrategija Farm-to-Fork tal-Unjoni Ewropea.
“Il-Malta AgriFair 2024 mhux biss hi opportunità unika biex il-pubbliku jkun infurmat u jsir jaf aħjar dwar il-varjetà u l-kwalità tal-prodotti tal-ikel u xorb lokali imma wkoll biex l-esebituri jesploraw kif jistgħu jikkollaboraw bejniethom. Dan it-tip ta' networking hu importanti wkoll biex issaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi tagħna fid-dinja tal-lum," stqarr il-Ministru Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said saħqet kif l-AgriFair tista' sservi ta' pont bejn il-produtturi Maltin u l-konsumaturi li ta' kuljum ifittxu produzzjoni lokali tal-ogħla kwalità.
“F'dan l-ispirtu ta' kollaborazzjoni, għarfien u ħidma, irridu nkomplu nixprunaw flimkien is-settur tal-agrikoltura, il-biedja, is-sajd u l-akwakultura. L-AgriFair se tkun ċelebrazzjoni nazzjonali ta' dak kollu li jinvolvi l-produzzjoni tal-ikel minn prodotti lokali. Fl-istess ħin, inkomplu nassiguraw is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali ta' pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri," qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet ukoll kif grazzi għall-ħidma tal-Gvern li jippromwovi u jgħin il-produzzjoni lokali, il-bejgħ totali tal-ħut f'pajjiżna se jilħaq total ta' €13-il miljun. “Figuri bħal dawn ikomplu jimlewna bil-kuraġġ u d-determinazzjoni sabiex inkomplu ninvestu f'dawn is-setturi. Irridu nkomplu ninvestu fit-tagħlim ta' sistemi u prattiċi li jimxu paripassu mal-aħħar andamenti xjentifiċi u teknoloġiċi, sabiex nassiguraw li l-katina tal-ikel tibqa' waħda sostenibbli, filwaqt li nisfruttaw l-aħjar riżorsi li pajjiżna joffri f'dawn is-setturi għall-ġid tal-poplu kollu," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo temm billi wassal messaġġ lill-intrapriżi kbar u żgħar, individwi u anke NGOs u lil dawk kollha li jaħdmu f'dan is-settur, sabiex ikunu parti mill-AgriFair 2024, sabiex għal darb'oħra din il-fiera terġa tkun ta' suċċess bħal l-ewwel edizzjoni.
Dawk kollha li huma interessati l jieħdu sehem f'AgriFair 2024 billi jesebixxu x-xogħol tagħhom jistgħu jirreġistraw hawn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935