STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Installati aktar AED stations madwar Għawdex f’postijiet li huma frekwentati minn bosta persuni
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li bil-ħidma tad-Diviżjoni tal-Operat fi ħdan il-Ministeru ġew installati 8 Automated External Defibrillator (AED) stations ġodda madwar Għawdex. Barra minn hekk, qed isir l-upgrading tat-8 stations eżistenti, servicing tal-istations kif ukoll numru ta' certified training courses fil-First Aid u fl-użu tal-AEDs.
“Dan kien possibbli wara li l-Ministeru ffirma ftehim mal-għaqda volontarja Malta Rescue Corps biex twettaq dan il-proġett konġunt u b'hekk madwar Għawdex ikun hawn numru sostanzjali ta' AED stations f'postijiet li jiġu frekwentati minn bosta persuni, kemm Għawdxin kif ukoll dawk li jżuru l-gżira," stqarr il-Ministru Camilleri.
Huwa kompla jgħid li l-Ministeru dejjem ta s-sostenn u kommess li jkompli jagħti s-sostenn tiegħu għal inizjattivi bħal dawn għall-ġid tar-residenti Għawdxin u tal-viżitaturi. Fil-fatt, ġie maqbul ukoll li bħala parti mill-manutenzjoni jinxtraw cabinets tal-metall b'saħħithom u reżistenti għall-ilma sabiex jinbidlu l-kaxxi tal-plastik tal-AEDs li ġew installati ftit tas-snin ilu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Rescue Corps Etienne Micallef tkellem dwar l-importanza ta' dan l-apparat u spjega kif għandu jintuża.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-għan ta' dan il-proġett huwa kemm sabiex jiżdiedu n-numru ta' AEDs madwar il-gżira kif ukoll sabiex ikompli jiżdied l-għarfien dwar l-importanza ta' dan l-apparat li jista' jsalva l-ħajja tan-nies.
Il-Malta Rescue Corps se jkunu qed jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta' dawn l-AEDs bl-għajnuna finanzjarja tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Aktar informazzjoni:
L-AEDs il-ġodda ġew installati f'dawn il-postijiet:
L-entratura prinċipali tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, ir-Rabat, Għawdex
Fil-Bus Terminus tar-Rabat, Għawdex
Fejn Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex
Il-bajja ta' Ħondoq, il-Qala
Il-Kunsill Lokali tal-Qala
Il-bajja tar-Ramla, ix-Xagħra
It-Tempji tal-Ġgantija, ix-Xagħra
Il-bajja tax-Xlendi, il-Munxar
Żewġ AEDs oħra se jiġu installati f'dawn il-postijiet:
L-Għassa tal-Pulizija ta' Marsalforn, iż-Żebbuġ
Il-Ġnien Pubbliku tax-Xewkija
L-AEDS li kienu installati fis-snin preċedenti jinsabu f'dawn il-postijiet:
Il-bajja tad-Dwejra, San Lawrenz - intużat u saritilha manutenzjoni diversi drabi fis-snin li għaddew
Fil-Pjazza ta' San Lawrenz
Il-Bażilika ta' San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex - intużat u saritilha manutenzjoni
Iċ-Ċittadella, ir-Rabat, Għawdex
Fi Pjazza San Ġużepp, il-Qala
Il-Kunsill Lokali tan-Nadur
Pjazza Indipendenza, Għajnsielem
Il-Knisja ta' Santa Margerita, Ta' Sannat
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935