STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA L-għassa l-ġdida f’Wied il-Għajn toffri servizz aħjar għall-komunità
Ikompli l-programm ta’ investiment fil-komunità mill-Korp tal-Pulizija
F’Wied il-Għajn bdiet topera l-għassa l-ġdida tal-pulizija, li nbniet apposta skont il-ħtiġijiet tal-uffiċjali tal-pulizija u tal-komunità. Ix-xogħol fl-għases ewlenin jikkumplimenta x-xogħol fl-uffiċini tal-pulizija tal-komunità biex illum il-Korp tal-Pulizija għandu l-ikbar preżenza fil-qalba tal-lokalitajiet f’ħafna snin.
Fi żjara fl-għassa, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà nnotaw li b’investiment li jiżboq is-€700,000, qed tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fil-qalba tal-komunità. Għalhekk, il-proġett hu parti minn sensiela ta’ xogħlijiet ta’ rinnovar fl-għases madwar Malta u Għawdex. Ukoll, dan hu proġett li jikkumplimenta l-ħidma kontinwa tal-Pulizija tal-Komunità li issa għandhom ukoll uffiċċju f’din l-għassa.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-investiment hu ħolqa fil-katina ta’ proġetti għat-tisħiħ fis-sigurtà fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Hu spjega li l-Korp tal-Pulizija qed ikompli jopera aktar id f’id mal-komunità, filwaqt li l-gvern se jibqa’ jinvesti kemm fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati, fl-għodda li huma jużaw, u kif ukoll fiż-żamma tal-ordni.
“B’dan il-mod bħala gvern qed nibqgħu nsaħħu dan is-servizz importanti ħafna għall-komunitajiet tagħna, mhux biss f’Wied il-Għajn, iżda anke f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn qed inniedu dawn it-tip ta’ investimenti diretti fis-sigurtà tal-komunità,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li, “Din l-għassa l-ġdida hija parti minn pjan ħolistiku fejn qed nirrikonoxxu li l-kwalità tal-ambjent fejn naħdmu huwa essenzjali kemm sabiex inkomplu nżidu l-motivazzjoni tal-impjegati tagħna, imma wkoll biex nipprovdu l-aqwa servizz possibbli liċ-ċittadini li jkollhom bżonn is-servizz tagħna.”
Temm jgħid li l-korp kommess li jkompli jtejjeb il-binjiet minn fejn jopera b’rinnovazzjonijiet maġġuri bil-għan li tkompli titwettaq il-missjoni tal-korp, li jipprovdi servizz professjonali u fdat biex jiġi żgurat li jkollna pajjiż sigur fi sħubija mal-komunità.
Preżenti għall-inawgurazzjoni uffiċjali kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, li filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon il-binja tal-għassa nnifisha, faħħar ix-xogħol li qed jagħmlu l-pulizija fil-lokalità ta’ Marsaskala, fosthom tad-distrett u l-pulizija tal-komunità, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf meta l-popolazzjoni ta’ din il-lokalità tiżdied drastikament.
Stqarrijiet Oħra:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935