STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment mill-Gvern f’120 assoċjazzjoni u għaqda sportiva biex fost oħrajn aktar atleti jikkompetu lil hinn minn xtutna
F’għeluq il-Konferenza ta’ SportMalta “Celebrating Sport in Malta 2024”, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qassam €1.65 miljun lil 120 assoċjazzjoni u għaqda sportiva bħala għajnuna mill-Gvern permezz ta’ SportMalta biex l-atleti u sportivi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet u impenji internazzjonali.
“Il-Gvern huwa kommess li jkabbar is-settur sportiv b’ħidma li twassal biex kemm l-assoċjazzjonijiet u l-għaqdiet sportivi jkomplu jkunu proattivi, u filwaqt li jżidu l-inizjattivi biex jiġġeneraw dħul, imma wkoll biex l-atleti u l-isportivi jkunu jistgħu jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom f’fora internazzjonali, filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-miri li jkunu qed jaħdmu għalihom,” qal il-Ministru Grima.
Permezz ta’ din l-assistenza finanzjarja minn SportMalta, l-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi jkunu f’pożizzjoni aħjar biex l-atleti u sportivi fid-diversi dixxiplini sportivi li jirrappreżentaw, ikunu jistgħu jieħdu sehem u wkoll jipparteċipaw f’avvenimenti sportivi internazzjonali. “Dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr l-għajnuna li jagħti l-Gvern li jikkommetti ammont ta’ flus kull sena biex jingħataw dawn l-assistenzi,” qal il-Ministru Grima.
Huwa qal ukoll, “Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jżid it-turiżmu sportiv lejn Malta, għalhekk inħeġġeġ lill-għaqdiet sportivi biex ikomplu jorganizzaw avvenimenti internazzjonali ħalli anki permezz tal-isport inkunu pilastru ewlieni fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ investiment f’Malta.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-entità għandha diversi inizjattivi u skemi li permezz tagħhom dan is-settur qed jingħata għajnuna u enfasizza li din il-ħidma se tkompli titkattar fis-snin li ġejjin. “SportMalta se tibqa’ taħdem biex tibqa’ tingħata l-għajnuna lill-assoċjazzjonijiet u l-għaqdiet sportivi u wkoll l-atleti, biex dawn ikomplu jagħmlu progress u jiksbu r-riżultati mistennija,” qal is-Sur Cutajar.
Fil-messaġġ li għalaq il-konferenza “Celebrating Sport in Malta 2024”, konferenza mifruxa fuq jumejn, li ċċelebrat l-għaxar anniversarju mit-twaqqif ta’ SportMalta, il-Ministru Clifton Grima faħħar l-andament tad-diversi diskussjonijiet li kien hemm u qal li filwaqt li l-parteċipazzjoni kienet waħda notevoli sew, huwa wkoll importanti li jkun analizzat dak li ħareġ waqt dawn id-diskussjonijiet. “Inkomplu nħarsu ‘l quddiem ħalli dak li ksibna flimkien matul dawn l-aħħar għaxar snin, insaħħuh u nkomplu nibnu fuqu, għall-benefiċċju ta’ dan is-settur, tal-atleti u sportivi u ta’ pajjiżna,” ikkonkluda l-Ministru Clifton Grima.
Other Press Releases:
PR261935en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261935