Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titwettaq miżura elettorali oħra – aktar tnaqqis ta’ taxxa lill-awturi

pr240021
Date Icon 11/01/2024

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima llum ħabbar it-twettiq ta' miżura elettorali oħra li permezz tagħha se jerġa' jkun hemm tnaqqis fit-taxxa fuq dħul li jirċievu awturi u ko-awturi minn royalties fuq bejgħ ta' kotba tagħhom.

Fil-leġislatura li għaddiet, it-taxxa fuq dħul li jirċievu awturi u ko-awturi minn royalties fuq bejgħ ta' kotba tagħhom kienet tnaqqset għal 15% u llum tħabbar li din it-taxxa issa reġgħet tnaqqset bin-nofs għal 7.5%.

“Din hija konferma li bħala Gvern irridu nagħtu l-appoġġ kollu possibbli lil-letteratura u l-awturi Maltin. F'dawn l-aħħar snin il-Gvern investa bis-sħiħ fl-infrastruttura biex ħoloq ekoloġiji ġodda kulturali u kreattivi li taw sehemhom għat-tkattir tal-ġid u l-ekonomija. Aħna nemmnu fl-irwol importanti tal-artisti fil-qalba tas-soċjetà. B'dak li qed inħabbru llum qed naraw aktar investiment fl-arti letterarja bit-twettiq ta' din il-miżura," qal il-Ministru Grima.

Huwa sostna li biex is-setturi tal-kultura, l-arti u l-kreattività jkomplu jiżviluppaw b'mod sostenibbli u joffru l-kontribut ewlieni tagħhom fit-tisħiħ tas-soċjetà, il-Gvern kommess li jkompli jsostni l-impenn tiegħu favur ix-xogħol tal-artisti u l-kreattività tagħhom – mhux l-inqas l-awturi. Għalhekk anki l-awtur u l-ko-awtur se jsib l-appoġġ tal-gvern biex iwessa' l-orizzonti tiegħu għaliex il-kultura tal-kitba hija parti mhux biss mit-tradizzjoni, imma wkoll mill-ħajja ta' pajjiżna.

Il-Ministru Grima kompla li t-tisħiħ ekonomiku tal-awtur u t-tkabbir tal-industrija tal-kotba jikkontribwixxu għar-rinaxximent tal-letteratura lokali u l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà, u għalhekk it-tisħiħ ekonomiku tal-industrija tal-kotba huwa wkoll ta' importanza nazzjonali. “B'din il-miżura għal darb'oħra qed nuru li aħna rridu li l-awturi jkollhom dħul ġust mix-xogħlijiet tagħhom. Imma mhux biss, għaliex b'din il-miżura se tgawdi l-industrija tal-kotba, għax aktar kittieba jitħajru jiktbu u jippubblikaw ix-xogħol tagħhom," enfasizza l-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima semma wkoll diversi inizjattivi li ttieħdu matul l-aħħar snin biex dan is-settur ikompli miexi 'l quddiem, fosthom semma li l-Gvern qed jixtri ammont sostanzjali ta' kotba mingħand l-awturi u l-pubblikaturi biex jitqassmu fl-iskejjel. Semma wkoll li kien regolarizzat għall-ewwel darba l-ikkupjar ta' materjal ipprintjat (ir-reprografija) u l-użu diġitali tal-kotba Maltin fl-iskejjel pubbliċi; kif ukoll li l-Festival tal-Ktieb qed jingħata importanza kbira għaliex huwa avveniment li jippromwovi xogħol l-awturi u l-pubblikaturi.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, filwaqt li rringrazzja lill-Gvern tal-implimentazzjoni ta' din il-miżura, qal li din se tfisser aktar flus u riżorsi lill-awturi biex jippubblikaw u jtejbu s-sengħa tagħhom. Huwa qal li l-Kunsill se jibqa' jistinka għall-indipendenza ekonomika tal-imsieħba tiegħu, ewlenin fosthom l-awturi u l-pubblikaturi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titwettaq miżura elettorali oħra – aktar tnaqqis ta’ taxxa lill-awturi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow