Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Politika soċjali li qed tħalli r-riżultati

pr240010
Date Icon 09/01/2024

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b’sodisfazzjon studju tal-Bank Ċentrali li juri kemm il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja hu mistenni li jkun effettiv. L-istudju minn tliet ekonomisti ewlenin tal-Bank Ċentrali Dr Aaron G. Grech, Ian Borg u Dr Valentina Antonaroli juri li bit-tibdil li sar fl-aħħar Budget, il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja għandu jiżgura li l-purchasing power tal-familji, tal-pensjonanti u ta’ dawk bi dħul baxx ikun protett aħjar kontra l-inflazzjoni.

Ir-rapport tal-esperti jsostni li matul din is-sena, kemm il-pensjonanti, kif ukoll dawk fuq il-paga minima, għandhom ikunu ferm aħjar milli kienu fl-2021, qabel ma pajjiżna beda jiffaċċja rata ta’ inflazzjoni għolja minħabba żidiet fil-prezzijiet internazzjonali. It-tliet ekonomisti jirreferu għal bosta miżuri soċjali introdotti u oħrajn msaħħa fil-Budget, bħaż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, l-akbar żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance u t-tisħiħ fl-in-work benefit. Dan apparti twessigħ fil-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja.

L-awturi tal-istudju jinnutaw, li l-mekkaniżmu addizzjonali qed jolqot b’mod pożittiv ferm aktar familji. Barra minn hekk dan huwa bbażat fuq stima ta’ rata ta’ inflazzjoni kkalkulata fuq il-bażi tal-basket tal-konsum tal-pensjonanti jew familji bi dħul baxx. Skont l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali, bejn l-2013 u l-2023, dawk fuq il-pensjoni massima raw titjib fil-benefiċċji tagħhom b’aktar minn kwart, jiġifieri b’27.6%, filwaqt li dawk fuq il-pensjoni minima kellhom titjib ta’ aktar mid-doppju, jiġifieri b’50.3%. Qabel iż-żieda fl-inflazzjoni fl-2022, jidher li dawn iż-żidiet kienu ferm akbar miż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-pensjonanti. Dan kien wieħed mill-fatturi għalfejn il-Gvern ħass fil-Budget li għadda, li għandu jtejjeb ukoll il-pensjoni massima.  

Fattur ieħor li nnutaw it-tliet ekonomisti huwa kemm l-mekkaniżmu addizzjonali msaħħaħ fil-Budget 2024, se jżid il-purchasing power għall-pensjonanti. Kontribut ewlieni għal dan huwa l-mod ġdid kif jaħdem il-mekkaniżmu addizzjonali, għax dan issa jinħadem bħala żieda għall-COLA, maħdum fuq il-bażi tal-bidla fil-basket ta’ oġġetti li jikkunsmaw dawk bi dħul baxx u l-pensjonanti.    

L-istudju jħares ukoll lejn kif l-inflazzjoni laqtet lil dawk fuq il-Paga Minima Nazzjonali. Familja mingħajr tfal, rat żieda ta’ 15.4% fid-dħul tagħha bejn l-2013 u l-2023, filwaqt li dik bit-tfal rat żieda ta’ 46.1%. Dan kien dovut għall-fatt li familja bit-tfal gawdiet ukoll minn żieda qawwija fiċ-children’s allowance u mill-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-in-work benefit. Ir-rapport jinnota li żidiet fiċ-children’s allowance, tisħiħ fl-in-work benefit u ż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, li kollha joħorġu mill-Budget 2024, mistennija jżidu ukoll il-purchasing power għal dawn il-familji meta mqabbel mal-2021, is-sena qabel ma bdiet tgħolli rasha r-rata ta’ inflazzjoni.

L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jikkonkludu, li filwaqt li fil-passat dawk bi dħul baxx jew pensjonanti seta’ kien hemm żmien fejn iż-żieda tal-COLA ma kinitx tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja li realment jiffaċċjaw, bid-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali dan suppost jindirizza l-isfidi. Dan filwaqt li sostnew li meta jkun hemm żminijiet ta’ inflazzjoni minħabba li l-COLA tinħadem fuq rata ta’ inflazzjoni ta’ sena qabel, il-Gvern jagħmel sew li jagħti żidiet ogħla mill-COLA kif qed jagħmel bil-mekkaniżmu addizzjonali. 

B’rabta ma’ dan l-istudju, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon laqa’ l-analiżi u sostna li din tikkonferma kemm il-politika tal-Gvern hija mibnija fuq il-ħtiġijiet tan-nies, u li din il-politika soċjali qed tħalli riżultati pożittivi. Huwa sostna li l-Gvern se jibqa’ kommess li jieħu iżjed inizjattivi u li jdaħħal aktar miżuri biex ikompli jkun ta’ sostenn għall-pensjonanti u għall-anzjani, familji bit-tfal, persuni b’diżabilità, persuni bi dħul baxx u medju  u persuni vulnerabbli oħra.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  L-ERA tniedi pubblikazzjoni kommemorattiva: Għaxar snin ta’ ħidma favur il-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ Malta

PR261935

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

Aktar Stqarrijiet Right arrow