STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Biex jiddefendu l-interess nazzjonali, il-Gvern ta’ Malta u l-Kabinett tal-Ministri b’azzjoni biex jintervjenu fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-Gvern ta' Malta u l-Kabinett tal-Ministri talbu li jintervjenu f'kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-Avukat tal-Istat.
Taw dettalji dwar din it-talba l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Kien spjegat kif din hi kawża fejn minkejja kull impressjoni li tipprova tingħata għandha l-għan li tuża l-Qorti bħala ballun politiku u saħansitra qed timmina azzjonijiet li qed jieħu l-gvern Malti f'arbitraġġ internazzjonali. Fl-istess ħin il-kawża tipprova timmina wkoll is-sistema demokratika ta' pajjiżna hekk kif l-Oppożizzjoni tipprova ġġib fix-xejn is-saħħa ta' Gvern li jiddeċiedi u jaġixxi f'isem iċ-ċittadini li eleġġewh.
Għalhekk, il-Ministru Jonathan Attard spjega li bit-talbiet li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni qed isir attakk fuq il-funzjoni, prerogattiva u s-setgħa tal-Gvern, liema setgħa hija fdata lill-Gvern permezz ta' mandat elettorali.
Fost oħrajn, spjega l-Ministru Attard, bl-azzjoni tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jipprova jbiddel deċiżjoni meħuda mill-istess Gvern u Kabinett dwar x'perkors ġudizzjarju għandu jittieħed fl-interess nazzjonali wara s-sentenza dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Il-Gvern qed iħares l-interess nazzjonali u d-deċiżjonijiet kollha tiegħu twettqu fuq parir u bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat u ditti legali lokali u internazzjonali wara li ttieħdu konjizzjoni tal-fatti materjali u fuq kollox fl-interess nazzjonali. Bil-kawża tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed saħansitra jhedded dawn l-azzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna li din il-kawża mhi xejn għajr tentattiv politiku partiġġjan, permezz ta' azzjonijiet intenzjonati li jbiddlu l-mod kif jopera pajjiż demokratiku.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq kif l-Oppożizzjoni tgħajjat ħafna bid-demokrazija, però imbagħad tkun hi stess li tagħmel l-akbar mossa politika anti-demokratika, dan b'kawża partiġġjana u perikoluża li ma għandhiex bażi legali u li tmur kontra l-interess nazzjonali.
“Dawn il-manuvri saħansitra estendew għal theddid u rikatt ta' azzjoni personali kontra diversi funzjonarji tal-pajjiż. Dan bl-għan ewlieni li tiġi mfixkla l-ħidma uffiċjali tagħhom u jkunu soġġett għall-kontroll tal-Oppożizzjoni. Aġir kif diġà ġie deskritt, despikabbli," qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
Il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temmew jgħidu li għalhekk, fid-dawl ta' dan kollu, il-Gvern qiegħed jintervjeni għaliex mhu se jkun qed iħalli lil ħadd milli jipprova jagħmel ħsara lil pajjiżna b'azzjoni frivola, bla bażi u politikament motivata, u li kull ħsara li se ssir b'din il-kawża, min fetaħha se jkollu jwieġeb għaliha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en