Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi

PR232015
Date Icon 21/12/2023

F'ċerimonja fl-uffiċini ġodda tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi, ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-istess uffiċċju.

Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-ftehim kollettiv, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li jinsab tassew sodisfatt li intlaħaq dan it-tragward importanti li mhux biss se jassigura kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema tal-Aġenzija, imma se jservi wkoll biex ikomplu jattiraw aktar nies jaħdmu fi ħdan l-Asset Recovery Bureau (ARB).

“L-impenn tagħna bħala Gvern hu li mhux biss nassiguraw li dawn l-istituzzjonijiet ikollhom fi ħdanhom ħaddiema b'kundizzjonijiet li jixirqilhom, imma wkoll ikollhom qafas leġiżlattiv effettiv li jipprovdilhom mezzi effikaċi ta' kif jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom" tenna l-Ministru Attard. F'dan il-kuntest huwa rrefera għall-abbozz dwar ir-rikavat mill-kriminalità, li fl-aħħar jiem kien approvat mill-istadju ta' tieni qari fil-Parlament.

“Dak huwa li għamilna bl-abbozz dwar ir-rikavat mill-kriminalità, li bl-għajnuna mhux biss tal-ARB, imma tal-istituzzjonijiet kollha involuti ħadna stock tal-esperjenzi tal-aħħar snin u assigurajna li nirrispondu b'tibdil leġiżlattiv li se jwassal biex ikollna Ġustizzja effettiva u proporzjonali" qal il-Ministru Attard. Dan se jwassal biex l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna jsostnu l-ħidma u l-isforzi tagħhom u jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw ta' kuljum, fejn fost emendi li se jkunu introdotti hemm dik li l-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi se jkun f'pożizzjoni li tbigħ proprjetà li tkun peribbli jew li n-nefqa biex tiġi mantnuta u miżmuma sew ma tkunx ekonomikament vijabbli.

Il-Ministru Jonathan Attard tenna li kien dan il-Gvern li ħoloq dan l-uffiċċju biex tissaħħaħ l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż reati finanzjarji, fejn mill-1 ta' Jannar 2023 sal-aħħar ta' Settembru 2023, l-Uffiċċju għamel 45 spezzjoni filwaqt li s-somma ta' Assi iffriżati sa Ġunju 2023 laħqet is-somma ta' aktar minn 5 miljun ewro.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi Anthony Sevasta qal li grazzi għal dan il-ftehim kollettiv, se jkun hemm titjib fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Dan ifisser ukoll li se jsarraf f'aktar titjib fis-servizz offrut mill-Aġenzija u sabiex ikomplu jattiraw aktar ħaddiema lejn is-settur.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja tenna “B'djalogu soċjali, il-partijiet jistgħu jimxu flimkien 'il quddiem u jitjiebu l-postijiet tax-xogħol. Dan it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet fl-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi huwa daqstant ieħor kruċjali għat-tħaddim tad-demokrazija."

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea, il-Bord tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi, il-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi, rappreżentanti tal-General Workers Union u tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow